Storja li ilha aktar minn sena għand ġurnalisti toħroġ illum fis-Sunday Times

Illum, l-istorja prinċipali tas-Sunday Times kienet dwar James Piscopo u Keith Schembri. Il-ġurnalisti li kitbu din l-istorja huma Jacob Borg u Ivan Martin. Ngħid is-sewwa, qrajtha darbtejn u xorta waħda ma hux ċert x’inhu l-messaġġ li jridu jwasslu dawn iż-żewġ ġurnalisti wara din l-istorja. Fi kliem ieħor min hemm wara din l-istorja? Hemm l-id ta’ Keith Schembri warajha?

Għala qed ngħid dan? Mill-artiklu insiru nafu li hemm informazzjoni dwar xi abbuż jew ftuħ ta’ kont barra minn Malta minn James Piscopo. Insiru nafu li l-pulizija saret taf b’dan il-kont mill-Whatsapp messages ta’ Yorgen Fenech. Għal darba oħra, ħarġet informazzjoni minn dawn il-Whatsapps. Ma nafx jekk din hix minnha jew le. Dak li nafu huwa li din l-informazzjoni ma għandha x’taqsam xejn mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qed ngħid hekk, għaliex minn informazzjoni li ġejt mogħti wara li llum ħarġet din l-istorja fuq James Piscopo, din l-istorja ġa kienet f’idejn xi ġurnalisti aktar minn sena ilu. Infurmat li xi ħadd x’imkien iddeċida li ma toħroġx.

Ħa nagħmilha ċara. Hawn mhux qed ninsinwa jew ngħid li din l-istorja kienet għand dawn il-ġurnalisti li qed jiktbu dan l-artiklu llum. Dak li qed ngħid hu biss li kien hemm attentat biex din l-istorja toħroġ fil-media sena ilu, imma xi ħadd żammha. B’kumbinazzjoni toħroġ illum u b’kumbinazzjoni jiddaħħal l-isem ta’ Yorgen Fenech.

Biss minn dan l-artiklu, insiru nafu xi ħaġa oħra. James Piscopo u Keith Schembri kienu biċċa waħda. Dawn kienu wara l-kampanja ta’ Joseph Muscat biex isir kap tal-Partit Laburista. Biss is-Sunday Times tgħidilna li l-ħbiberija ta’ bejnithom spiċċat wara li Piscopo beda juri interess li jieħu post Keith Schembri bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru. Biss hemm dettall ieħor ta’ importanza politika li dawn iż-żewġ ġurnalisti ta’ The Times injoraw. Hu fatt magħruf li Piscopo kien wara l-kampanja ta’ Chris Fearne. L-ewwel beda jimbotta lil Miriam Dalli biex toħroġ għal Leadership tal-Partit Laburista. Peress li din ma ħarġitx, mar wara Fearne. Fuq dan id-dettall, dawn il-ġurnalisti ta’ The Times ma qalu xejn. Fi kliem ieħor, Piscopo kien kontra Robert Abela f’din it-tellieqa. Infakkar hawn li l-editor-in-chief qal lill-Imħallfin li l-Prim Ministru Robert Abela ma jridx jagħti intervista lill-ġurnalisti ta’ The Times. Meta tara xi ħaġa bħal din tifhem li għandu raġun. Infakkar li The Times qed tkun ‘mild’ ħafna fil-kritika u fl- analizi f’dak li qed jiġri fil-qasam tas-saħħa.

Biss l-istorja ma tieqafx hawn. Hemm dettall ieħor ta’ rilevanza politika. B’kumbinazzjoni, għada ser jidher Keith Schembri quddiem l-imħallfin. B’kumbinazzjoni kbira lejliet li ser ikun qed jidher xi ħadd quddiem dawn l-imħallfin joħroġ artiklu dwaru. Mela storja li ilha għand il-ġurnalisti aktar minn sena, tispiċċa tinħareġ fil-media lejliet li ser jidher Keith Schembri quddiem l-imħallfin.  

Nispera li ma jkunx hawn xi ħadd mill-kamp ta’ Daphne Caruana Galizia u jgħajjarni b’conspiracy theories għaliex qed nikteb fuq dawn l-affarijiet.  

L-istorja fis-Sunday Times hija kif ġej:

https://timesofmalta.com/articles/view/police-probing-keith-schembris-dirt-on-james-piscopo-via-jurgen-fenech.838496

Leave a Reply