Blogpost minn partitarju Nazzjonalista: Għaliex u kif waqqgħuh lil Dr. Adrian Delia?

Dr Adrian Delia ser jibqa’ imfakkar bħala r-rebbieħ li qatt ma ġie aċċettat minn sħabu l-membri tal-parlament. Minn qabel ma rebaħ it-tellieqa għal Kap fl-2017 kien hemm xi ħaġa li skattat minn grupp ta’ nies li ħalfu li ma jħalluhx jaħdem. Kien hemm grupp ta’ nies li ħalfu li jtellfuh, jgħajruh, jispjunawh, jikkalpestawh, ixandruh, jaqlawlu u jikxfulu għawwaru jekk jista’ ikun mil-konċepiment tiegħu sal-ġurnata mqaddsa tal-lum. Għaliex din il-ħdura kollha?

Jiena naf li ħafna minnhom ma kienux jafuh imma li ġew imxewwxa u mġiegħla jingħaqdu ma’ min beda din il-kampanja ta’ kattiverja u ħdura biex ma jħalluhx imexxi. Tgħid għaliex hux? Qabel ma wera x-xewqa li jidħol fil-politika bdew l-attakki fuqu. Sfortunatament nafu li Daphne mill-ewwel iddeċidiet li tattakkah fuq l-istess livell li attakkat lil Joseph Muscat. Dan l-attakk fuq Dr. Delia minn din il-blogger u ġurnalista (b’informazzjoni minn ġewwa) kellu effett qawwi fuq membri tal-parlament Nazzjonalisti u xi nies oħra. Ma ninsewx li din il-ġurnalista kellha ħafna li emmnu kull ma kitbet u fdawha fuq kollox. Meta jkollok nies li jqisu l-kitba ta’ ġurnalist jew xi ħadd ieħor bħala l-ħames vanġelu, ikun diffiċli ħafna li tipperswadihom mod ieħor. Min hemm bdiet il-kampanja ta’ attakki oxxeni kontra persuna.

Issa rridu niftakru li Dr. Delia kien ilu għal ħamsa u għoxrin sena jaħdem ta’ avukat u kellu diversi suċċessi fil-linji legali tiegħu. Kien meqjus li, bħala avukat litigatur, kien tajjeb ħafna u għamel ħafna rebħiet fuq avukati oħra. Tgħid l-għira bdiet minn hemm? Tgħid l-għira bdiet minn xi avukati li ma felħux għas-suċċessi tiegħu? Imma l-għira ma twasslekx għall-ħdura u kattiverja daqshekk profonda u viljakka. L-attakki minn barra ma jweġġawkx daqs l-attakki minn dawk li suppost qiegħdin spalla ma’ spalla miegħek. U hawn qiegħed il-qofol ta’ kollox. Dawn in-nies li suppost kellhom juru rispett lejn il-Kap tagħhom għamlu eżattament il-kontra. Flok iddefendewh, bħal ma qed jagħmlu issa lill-Kap magħżul minnhom (mil-klikka), ingħaqdu f’attakki viljakki.

Min irid ikun sinċier miegħu nnifsu għandu jaħseb u jgħarbel sewwa dan kollu għala sar u naħseb li għadu u ser jibqa’ jsir. Jekk tħares lejn l-uċuħ tar-ribelli tinduna li l-maġġoranza tagħhom huma politiċi li jafu l-bidu tagħhom lil Lawrence Gonzi jew lil Simon Busuttil. Gonzi ta ħafna poter lil ċertu politiċi u litteralment rema oħrajn. Busuttil ħa l-istess attitudni u għamel l-istess. Dawn il-magħżulin matul is-snin għamlu l-Partit tagħhom u ħasbu li hu tagħhom bi dritt. Dan joħroġ ċar fl-2017 meta il-biċċa l-kbira tal-politiċi dak in-nhar ħarġu bl-għajta li għandu jkun wieħed minn ġewwa li jilħaq Kap.

Fil-fatt l-establishment l-ewwel ħareġ jappoġġja lil Perici Calascione tant li dan ħaseb li ser ikun hu li jirbaħ. Hekk wegħduh. Kien meqjuż bħala ‘the annointed one’ bħalma kienu Gonzi u Busuttil. Wara din it-telfa kerha ta’ Perici Calascione, l-establishment dawwar għajnejh fuq Said. Jiġifieri basta minn ġewwa u mhux Delia għax minn barra.

Biex Simon Busuttil ħadem kemm felaħ biex jitla’ Said (wara li keċċieh minn Segretarju Ġeneral minħabba l-ħsara li għamillu) turina x’politiċi bla prinċipju konna u għadna mżejna bihom. Mela minn dan naraw u nifhmu li l-ġlieda tal-politiċi antiki jew stabbiliti kienet kontra xi ħadd minn barra, hu min hu. Mela l-ġlieda ma kienetx kontra Adrian Delia imma kontra kull bniedem li prova jidħol fit-tmun tal-partit minn barra. Meta tifhem dan sewwa, tinduna li dawn il-politiċi għamlu ġlieda kontra min neħħilhom il-poter minn idejhom. Dawn qattgħu biċċiet lil Delia għaliex din il-persuna minn barra kienet ser toħdilhom il-partit. Delia kien qed joqtlilhom id-dritt divin li jkollhom il-Partit tagħhom u f’idejhom. Delia kien ser iniżżilhom minn fuq il-pedestal għoli u dehbi tal-poter. Kif jgħid il-Malti kien ser jaqtalhom iż-żejża.

Nazzjonalisti iftħu għajnejkom sewwa. Ifhmu li l-Partit mhux tat-tesserati jew tan-Nazzjonalisti. Il-Partit issa sar tal-klikka. Araw x’qed jiġri ma’ Dr Grech. Issa l-klikka regġgħet ħadet over. Kollox f’idejha. Id-deċiżżjonijiet huma kollha tagħha. Min jidħol impjegat fid-Dar Ċentrali jiddeċiedu huma u naf x’qed ngħid. Mela ħadd m’għandu jieħu għalih meta ngħid li pogġġew pupazz bħala Kap. It-tmexxija tal-Partit qiegħda f’idejn tlieta minn nies, il-qaddejja tal-klikka. Dawn huma l-istess nies li ħmew u wettqu t-tellieqa għal kap, tellieqa li qatt ma messa saret. Tefgħu fuq quddiem, wara ħafna manuvrar, bniedem li n-numri kienu qed jindikaw suċċess. Imma n-numri mhux kollox fil-politika.

Apparti n-numri trid ukoll l-abilta’. In-numri waslu imma magħhom ma waslitx l-abilta’. Anzi spiċċajna li jitimgħuh kif għandu jitkellem, jiktbulu kull ħaġa li jlissen u hu fl-uffiċċju tiegħu u dawn it-tlett dinosawri (għax parti mill-klikka) jikkonfoffaw il-mossi. Hu jiltaqa’ ma’ assoċċjazzjonijiet u d-dinosawri jiktbu l-proposti. Hu jippriedka partit żgħażagħ u d-dinosawri jmexxu u l-klikka tbaxxi rasha. Dr Grech għadek lanqas tista’ temmen għal x’hiex dħalt. Dr Grech iftaħ għajnejk sewwa u ħares warajk il-ħin kollu għax ma tafx meta ser tasal id-daqqa tal-istallett.

Dr Delia beda jduq id-daqqiet minn qabel sar Kap. Int ħatritek il-klikka u s’issa għadhom jissaportuk. Tibżgħax dalwaqt tasal tiegħek. Taf li l-maġġoranza tal-klikka ma rieditx lilek. Taf li l-klikka issa inqasmet fi tlett fazzjonijiet. Dawn iridu biss li jibqgħu jikkmandaw huma. Lil Delia neħħewh bil-gideb, b’manipulazzjoni oxxena, b’insinwazzjonijiet fażulli, b’attakki personali fuqu u fuq familtu, b’allegazzjonijiet li issa qed jidhru l-bogħod mill-verita’, bi qlajjiet immaġinati, bi ħbiberiji ineżistenti, b’messaġġi vvintati, b’affarijiet li meta ntalbu l-provi ma waslux u allura ma kienux veritiera, fuq logħob bin-numri li kienu parti minnu huma u mitt ħaġa oħra.

S’issa l-klikka ma kienx jaqbilla tattakkak fuq it-taxxa u żammet lura. Tgħid meta ser nibdew nisimgħu l-attakki fuqek? Fuq liema aħbar ser jinfexxu? Kemm ser imorru lura fiż-żmien? Tgħid ser ifittxulek xi ħaġa l-qorti fejn ħdimt? Tgħid ser jaqbdu fuq diversi affarijiet f’daqqa? Tgħid ser jaqbdu waħda waħda bħal ma għamlu lil ta’ qablek? Tgħid ser jivvintaw fuqek? Tgħid ser jaqbdulek ma xi membru tal-familja? Tgħid ser iħarsu lejn is-surveys? Tgħid diġa ħafrulek l-ewwel wieħed? Tgħid ser jgħaddu xi nformazzjoni lil xi blogger biex jaħmilhom l-attakk? Dr Grech ma tistgħax toqgħod kwiet. Ser ikollok toqgħod dejjem fuq ix-xwiek tistenna s-siegħa tal-prova. Tinsiex l-attakki ta’ Abela u sħabu m’huma xejn ħdejn l-attakki tal-klikka.

L-uniku għajnuna li għandek bħalissa hija minn Dr Delia u bħal ma taf int hemm provi ta’ dan. Jien naf bihom bħal ma taf int, Dr Grech. Wegħdilek il-bieraħ, qed jagħtihilek illum u ser ikompli jgħinek għada. Iż-żmien jagħtina parir. Kif jgħid l-ingliż ‘Pleasures yet to come’.

Leave a Reply