Skont Lovin Malta, Matthew Caruana Galizia għandu d-Dritt li jżebblah lill-Bniedem

Skont ta’ Lovin Malta, Matthew Caruana Galizia għandu dritt li jżebblah lin-nies. Dan intqal fil-kuntest ta’ artiklu li ktibt jien wara li Matthew Caruana Galizia tella’ post fejn tkellem dwari mingħajr ma semmini b’ismi. Qal biss li jien a ‘single-celled organism’.  L-anqas isem ma baqagħli, bħal ma jkollhomx l-ebda isem iċ-ċelloli li jiġu abortiti.

Il-ġurnalista Tim Diacono ta prominenza lill-post tiegħi u ta’ dan nirrigrazzjah għaliex kien l-aktar post li nqara il-bieraħ fuq il-website tiegħi – simonmercieca.com. Tim Diacono qal ċar u tond li Matthew Caruana Galizia kiteb dan il-post biex iżebblahni. Illum ma għadniex nużaw din il-kelma semitika, iżda qed ngħidu twaqqa’ persuna għan-nejk. Il-kelma użata minn Tim Diacono bl-Ingliż hija ‘mocks’.

Mela dan Matthew Caruana Galizia jġibuh biex jitkellem fl-universita’ kontra r-razziżmu iżda mbagħad huwa għandu d-dritt divin li jżebblah lill-bniedem (mocks). Mela għala din il-frattarija kollha kontra Norman Lowell? Mela Matthew Caruana Galizia mhux bħal Lowell qed jagħmel? Anzi qed jagħmel agħar minnu għax għall-inqas, Lowell mhux ipokrita.

Biex wieħed jifhem jekk Matthew Caruana Galizia għandu d-dritt li jżebblah lili, kulħadd għandu issa d-dritt li jżebblah (mocks) lill-kulħadd. Fi kliem ieħor, jekk Matthew Caruana Galizia ngħata dan id-dritt divin biex iwaqqa’ persuna għan-nejk, ħaddieħor għandu jkollu dan l-istess dritt li jagħmel bħalu fil-konfront ta’ kull persuna oħra.

Immaġinaw, kieku jien ktibt li Matthew Caruana Galizia huwa a “single-celled organism”. Ara kemm kienu jgħajruni razzist, aħdar, xewwiexi u ma nafx kemm il-aġġettiv ieħor kienu jagħtuni. Iżda li din jiktibha Matthew Caruana Galizia hija aċċettabbli u ta’ min ifaħħarha. Jekk dan hu l-każ, kulħadd għandu dritt li jżebblah lil kulħadd. 

Nibqa’ mnixxef b’dan it-tip ta’ ġurnalizmu u l-argumenti li jġib dan il-ġurnalist ta’ Lovin Malta li jridha ta’ progressiv u liberali biex jiġġustifika l-inġustifikabbli. Imbagħad Matthew Caruana Galizia jikteb fuq Facebook li jrid jghix f’pajjiż normali. F’pajjiż normali, in-nies ma jżebbilhux lil bniedem imma juru rispett anki jekk ma jaqblux mal-opinjoni li tkun espressa lejhom fuq xi ħaġa li finalment huma stess ikunu qalu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *