Paladin ta’ David Casa juża l-mard mentali biex jgħajjarni

Nicky Azzopardi  huwa l-paladin ta’ David Casa. Dan tella’ post biex jgħid li jien għandi bżonn għajnuna psikjatrika minħabba l-artikli li qed nikteb. Bil-Malti dan il-Paladin tar-Rule of Law u Freedom of Expression kiteb hekk:

Istituzzjoni Edukattiva, li kuntenta li tħaddem raġel fqir li għandu bżonn urġenti ta’evalwazzjoni psikjatrika, li jemmen li Daphne ġiet maqtula mill-familja tagħha, li l-Covid19 hija gidba biex tagħmel ħsara lill-Partit Laburista u li George Soros qiegħed iħallas is-Soċjetajiet Ċivili u l-NGOs.

L-għola istituzzjoni edukattiva f’dan il-pajjiż u mhux kapaċi tagħmel din tajba.

Fi kliem ieħor f’dan l-artiklu huwa għajjarni bħala miġnun talli qed nesprimi l-opinjoni tiegħi. Infakkru li Stalin, Hitler u Mussolini għalqu f’manikomju lil dawk li kienu jopponuhom u jiktbu kontra r-reġim tagħhom bħala imġienen. Dan kienu jagħmluh biex jagħlquhom ħalqhom. Jekk forsi jrid jitgħallem ftit, nissuġġerixxi lil Nicky Azzopardi jaqra l-kotba ta’ Aleksandr Isayevich Solzhenitsyn. Imbagħad, meta tgħidilhom li huma Kommunisti jieħdu għalihom. Wara dan li kitbu, anki Faxxisti ħa nibda nsejħilhom u bil-provi.

Id-daħqa hija li wieħed milli għamillu ‘like’ huwa Kevin Wain. Dan ukoll kien għajjarni miġnun. Biss aħjar ma nikkummenta xejn fuq dan. Kull ma ngħid lil Kevin Wain biex ikompli jagħżaq fl-ilma fl-uffiċju ta’ Jeremy Gingell.

Biss dak li jinkwetani huwa l-fatt kif esponent bħal Nicky Azzopardi, li huwa biċċa waħda ma’ David Casa, jikteb kif jikteb. Insa għall-mument il-fatt storiku, li r-reġimi totalitarji għalqu f’manikomju lil dawk li kienu kontra tagħhom u jikkritikawhom. Illum suppost li fl-Ewropa qed issir kampanja biex insiru konxji tal-problemi mentali. U dan il-paladin ta’ David Casa jiġi jgħajjar persuna u jgħid li dan għandu bżonn ta’ għajnuna psikjatrika għaliex qed jeżerċita d-dritt tiegħu tal-liberta’ tal-espressjoni.

Min-naħa għandna lil Bernard Grech jorganiżża fid-Dar Ċentrali laqgħat mal-għaqdiet li jaħdmu f’dan il-qasam u min-naħa l-oħra għandna dan il-paladin ta’ David Casa li qed juża l-‘mental health’ biex jgħajjar u jkasbar in-nies għaliex mhux qed jaqbel ma’ dak li qed jiktbu.  Jien qed niġi mgħajjar għaliex qed nikteb u noħroġ il-verita’.

Nispera li l-Ewropa mhux ser tibda tuża l-issue tal-ġenn biex terġa’ tibda tagħlaq ħalq in-nies. L-Ewropa għandha storja warajha li kapaċi tagħmel hekk. Infatti, jekk wieħed jaqra x’kiteb Michel Foucault fuq dan is-suġġett isib li hemm tradizzjoni fl-Ewropa fejn il-‘mental health’ intużat bħala arma politika, kif qed jagħmel Nicky Azzopardi, biex mingħalih jagħlaqli ħalqi. Nispera li David Casa jiddisassoċja ruħu minn dan il-kumment Faxxista ta’ Nicky Azzopardi.

2 comments

Leave a Reply