Where your opinion counts

Meta l-Familja Caruana Galizia Oġġezzjonat għall-Persuni Serji biex Imexxu l-Inkjesta

Il-bieraħ, il-Malta Today rrappurtat lil waħda mill-Avukati ta’ Yorgen Fenech, Juliette Galea kitbet lill-Kunsill tal-Europa dwar l-inkjesta li qed issir fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Bir-raġun, l-avukat Galea talbet biex tkun sospiża din l-inkjesta għaliex qed tikser id-drittijiet fundamentali ta’ Yorgen Fenech. Galea qalet hekk minħabba li din l-inkjesta qed tiġbor tagħrif fuq Yorgen Fenech mingħajr ma’ din il-persuna tista’ tiddefendi ruħha u fuq kollox tkun taf x’inhu jingħad fuqha. Infakkar li din il-proċedura kienet tintuża fil-proċessi tal-inkwiżizzjoni. F’dawn il-proċessi, l-akkużat ma kienx ikun jaf ix-xhieda li kienet tinġib fuqu. Dawn it-tliet imħallfin saru l-inkwiżituri l-ġodda ta’ pajjiżna meta qed jirrifjutaw li persuna tkun taf dak li qed jingħad fuqha.

Biss dak li hu l-aktar importanti f’din l-aħbar huwa dak li l-avukat Galea qalet fl-aħħar tal-ittra tagħha. Hija fakkret li oriġinarjament, l-Gvern ried fuq din l-inkjesta lill-Professur Ian Refalo u anki lill-espert Forensiku Abela Medici. Kienet il-familja ta’ Caruana Galizia li oġġezzjonat. Ma riditx lil Ian Refalo u Anthony Abela Medici. Nemmen li din kienet għażla tajba u serja tal-Gvern.

Lil Abela Medici ma nafux. Ma għandix dubbju li hu persuna serjissima. Mela għala ma rieduhx? Forsi għaliex dan hu it-tifel ta’ ex-Ministru Laburista tas-snin Sebgħin? Biss ma naħsibx.

Lill-Professur Ian Refalo nafu sew. Hu bniedem rett, preċiż u persuna tal-istat. Jien niftakru jagħti pariri legali lill-universita’. Biss hemm dettal ieħor dwar il-Professur Ian Refalo. It-tifel ta’ Ian Refalo, Nick Refalo, kien kandidat mal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-2017. Qed insemmi dan id-dettall biex nuri li din l-oġġezzjoni kontra Ian Refalo ma hiex motivata politikament. Forsi Jason Azzopardi ma ridux għaliex Nick Refalo ħareġ fuq Tas-Sliema u huwa ġa kien tefa’ għajnejh fuq dan id-distrett? Jekk din ir-raġuni turi kemm hija miskina u politikament motivata (b’mod pervers) din l-inkjesta.

Dak li nista’ ngħid fi żgur huwa li Ian Refalo huwa bniedem onestissimu. L-istess huwa t-tifel tiegħu li huwa onkoloġista tajjeb ħafna. Issa kulħadd jagħmel il-konklużjonijiet tiegħu għala l-familja ta’ Caruana Galizia u l-avukati tagħha ma riedux bniedem onestissimu jpoġġi fuq din l-inkjesta pubblika!

L-ittra li l-avukat Juliette Galea bgħattet lill-Kunsill tal-Ewropa qed inġibha kollha hawn taħt.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *