Matthew Caruana Galizia juża Lingwaġġ Abortista u jigdeb fuq ir-Rettur

Matthew Caruana Galizia jtella’ dan il-messaġġ dwar l-Universita’. Hu kiteb hekk:

Remember when you had to have a brain to become a lecturer? Due to a shortage, the Rector has relaxed the rules. If you’re a single-celled organism. Now is your chance. Apply now: jobs@um.edu.mt

Bil-Malti tiġi hekk:

Ftakar fiż-żmien meta ridt ikollok moħħ biex issir lettur? Imma minħabba nuqqas, ir-Rettur niżżel ir-regolmenti [għad-dħul fl-Universita’]. Jekk inti persuna ta’ cellola waħda fl-organiżmu tiegħek, issa huwa ż-żmien li tapplika. Applikaw issa: jobs@um.edu.mt

Mela b’dan il-messaġġ, Matthew Caruana Galizia qed jgħid li r-Rettur qed jabbuża mir-regoli fid-dħul ta’ dawk biex jgħallmu fl-Universita’. Dan għaliex niżżel ir-regolament tad-dħul biex b’hekk dawk kollha li huma ‘a single-celled organism’ jistgħu jidħlu jgħallmu fl-Universita’ ta’ Malta.

Dan huwa persuna li milli jidher ġieli ġie mistieden mill-universita’ biex jitkellem kontra r-razzizmu. Imbagħad, ma jiddejjaqx ineżżgħa bniedem mid-dinjita’ umana tiegħu u jgħidlu li huwa single-celled organism. Infakkar li dan id-diskors jintuża minn dawk li huma favur l-abort biex tkun tista’ tinqatel it-tarbija fil-ġuf. Huma jsejħu l-embrijun bħala ftit ċelloli. Illum Matthew Caruana Galizia uża diskors abortista fil-konfront ta’ dawk li qed jiddaħħlu jgħallmu l-universita’.

Infakkar lil Matthew Caruana Galizia li dawk kollha li jidħlu jgħallmu fl-Universita’ ta’ Malta, jidħlu wara sejħa pubblika. Il-bord tal-għażla jkun magħmul minn persuni differenti u dawn mhux kollha mill-Universita’. Inħoss li dan id-diskors tiegħek hu oltraġġ kontra l-universita’. Il-kelma oltraġġ hija waħda legali. Tfisser offiża li ssir b’mod konsapevoli kontra l-unur u d-dinjita’ ta’ persuna. Din hija kitba offensiva lejn ir-Rettur preżenti tal-Universita’ ta’ Malta. Nemmen li l-Universita’ għandha tieħu passi fuq dan l-istatment.

Infakkar lil Matthew Caruana Galizia li dan hu verament diskors razzista u faxxista, li sejjaħ persuna bħala ‘single-celled organism’. Imbagħad dawn in-nies li jirreduċu persuna għal ‘single-celled organism’ għandhom is-support tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan juri kemm hu perikoluż dan id-diskors abortista li qed jintużaw għaliex dan ġa beda jintuża kontra ċittadini ta’ pajjiż u mhux biss kontra feti li għadhom ma twildux.

Ma nafx jekk dan il-messaġġ inkitibx minħabba fija. Jekk dan huwa l-fatt, kemm infakkar lil Matthew Caruana Galizia li jien ma dħalx l-universita’ fi żmien dan ir-rettur preżenti. Jien dħalt fi żmien Fr. Peter Serracino Inglott ħafna snin ilu. Għamilt żewġ MAs u PhD. Fuq il-bord tiegħi tal-PhD kien hemm seba’ professuri u kienu Maltin u barranin. Sirt membru akkademiku wara sejħa pubblika fi żmien ir-Rettur Juanito Camilleri li inċidentalment huwa persuna li jagħti s-support tiegħu lill-kawża ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu jagħmel sew li jesprimi l-opinjoni tiegħu. Ara hawn dawn il-buonisti ma jgħidu xejn! Ħa nagħmilha ċar. Jien naqbel ma’ kull persuna fl-universita’ li tieħu sehem fil-protesti pubbliċi u ma kull persuna mill-universita’ li qed tikkummenta fuq dan il-każ. Anzi niġġieled għad-dritt tagħhom li jagħmlu dan.

Qed ngħid dan biss biex nuri kemm dan Matthew Caruana Galizia jikteb bl-addoċċ u jispiċċa jitfa’ dell ikrah fuq persuni li finalment jappoġġaw il-kawża tiegħu.

Leave a Reply