Għaliex il-Karrozza ta’ Daphne Caruana Galizia Tħalliet Barra?

Advertisements

L-avukat Joe Brincat bagħat ittra lit-tliet imħallfin fejn fiha qal ċar u tond li Daphne Caruana Galizia kienet kontra li jkollha pulizija wara l-bieb tagħha u hija kienet inċitat għall-qtil tal-avukat Franco Debono. Ejja ngħiduha kif inhi. Użat ftit kliem goff. Biss dan il-kliem wassal biex Franco Debono jingħata protezzjoni mill-pulizija. Imbagħad talli l-pulizija offrew sigurta’ quddiem id-dar ta’ Franco Debono, Daphne Caruana Galizia, għajrithom. Qalet li Debono kien jogħqod ġo mandraġġ – slum – sejħet il-post fejn hu kien joqgħod f’Ħal Għaxaq u allura ma kellux bżonn li jkun offrut protezzjoni.

Biss l-aspett importanti tal-avukat Brincat jinsab hawn. Din hija inkjesta pubblika u l-pubbliku għandu d-dritt jagħti u jibgħat dak li jaħseb dwar dan il-każ. Għal bidu l-imħallfin ma riedux jilqgħu t-talba tal-avukat Brincat. Biss Brincat sforzahom jilqgħuha bil-liġi. Infakkar li t-termini ta’ referenza ta’ din l-inkjesta hija biex jistabbilixxi jekk l-istat setgħax jevita dan il-qtil jew le. Jekk jikkonkludu li ma setgħax jew ma għamilx biż-żejjed, allura l-istat ikun mitlub li jħallas id-danni.

Matul dawn ix-xhur li ilha għaddejja din l-inkjesta, ħafna nies tellgħu kummenti fuq il-Facebook page tiegħi dwar għala l-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia tħalliet barra. Naħseb li l-imħallfin kellhom jinvestigaw dan il-fatt. Il-persuna kkonċernata li ħallietha barra kien it-tifel tagħha, Matthew Caruana Galizia. Għala Matthew Caruana Galizia qatt ma ġie msejjaħ biex jixhed quddiem dawn l-imħallfin tal-inkjesta?

Il-fatt hu li l-karrozza tħalliet barra wassal biex il-hitmen setgħu jqegħdu l-bomba fiha. Ovvjament, jekk ikun stabbilit mill-inkjesta, li din tħalliet barra bi traskuraġni jew minħabba nuqqas ta’ ħeġġa biex idaħħluha ġewwa,  jonqos id-dritt ta’ din il-familja biex tingħata kumpens finanzjarju. Dan għaliex huma għandhom parti mit-tort għaliex inqatlet. Jiġifieri jekk huma qed jgħidu li tħalliet barra minħabba nuqqas ta’ ħeġġa jfisser li kellhom suspett li l-ħajja t’ommhom kienet fil-periklu iżda xorta ma ħadux il-passi meħtieġa ta’ siġurta. Infakkar li Daphne Caruana Galizia kienet irrifjutat il-protezzjoni tal-pulizija.

Issa din il-mistoqsija dwar il-għala l-karozza tħalliet barra ġa ġiet imwieġba minn ġurnalista barrani. Dan il-ġurnalista huwa Carlo Bonini. Huwa intervista lil Matthew Caruana Galizia. Matthew Caruana Galizia ta lil Carlo Bonini r-raġuni għala l-karrozza ma ddaħħlitx ġewwa. Din ir-raġuni nsibuh spjegat fil-ktieb “L’ isola assassina. La sfida di Daphne al cuore corrotto dell’Europa”. F’pagna 13, l-awtur tal-ktieb, Carlo Bonini, jikteb dwar dak li qallu Matthew dwar dan il-fatt. Il-ktieb hu bit-Taljan. Jien qed inġib traduzzjoni bil-Malti:

Jien u ħija ħallejna l-karozza barra minħabba l-għażż tagħna. Indaħħluha ġewwa kien ikun ifisser li kien ikollna niġġieldu għall-ispazju. U marret hekk anki dak il-Ħadd. Wara nofs-in-nhar, jiena ħadt il-Peugoet.  U meta ġejt lura, madwar il-ħamsa u nofs, ħallejtha barra. Nista’ nkun eżatt fuq il-ħin għaliex , wasalt  id-dar, ħadt xi ritratti bl-ismartphone tiegħi. Kien hemm inżul ix-xemx sabiħ.”

Mela għandna stqarrija minn Matthew Caruana Galizia stess li l-karrozza ta’ Daphne Caruana Galizia tħalliet barra għaliex huwa u ħuh kienu għażżenin u ma riedux idaħħluha ġewwa. Il-kelma użata mill-awtur ta’ dan il-ktieb hija “pigrizia”.

Jekk dawn l-imħallfin huwa verament newtrali, għaliex ma għajtulux lil Matthew Caruana Galizia biex jitla’ jixhed dwar dan il-fatt? Naħseb li informazzjoni bħal din hija ċentrali biex ikun stabbilit jekk l-istat jew il-pulizija humiex risponsabbli mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jekk setgħux jevitawh.