Il-Bieraħ kien Imiss lil Herman Grech, Editor-in-Chief tat-Times, biex Jitla’ Jixhed.

Il-bieraħ deher quddiem l-imħallfin tal-inkjesta, l-editor-in-chief tat-Times of Malta. Onestament il-preżenza tiegħu f’din l-inkjesta ma nafx x’għandha x’taqsam mat-terms of reference li għalih twaqqfet din l-istess inkjesta. Dak li naf, li Daphne Caruana Galizia kienet twaqqfet milli tkompli tikteb f’dan il-ġurnal minn Guido deMarco. Dak iż-żmien kien iċ-chairman tal-iStrickland Foundation. Ara fuq dan il-fatt, l-imħallfin ma staqsew xejn u l-anqas l-editor-in-chief ma tkellem xejn. Fuq kollox, l-imħallfin ma staqsew l-ebda mistoqsija dwar ir-relazzjoni li hemm bejn The Times of Malta u Keith Schembri.

Minflok Grech tkellem fir-rigward tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li kien hemm attentati ‘to spin the death of Daphne with regards to the culprit, but I don’t think they succeeded”. Il-mistoqsija tiegħi hija din. Kif l-editor-in-chief ta’ The Times of Malta ġa jaf  min hu l-ħati ta’ dan id-delitt? U għala l-imħallfin ma staqsew xejn fir-rigward ta’ dan?

Naħseb is-Sur Herman Grech aħjar ġie mistoqsi dwar ir-rapport tal-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello u li l-Allied Newspapers għadha tirrifjuta li tippubblikah. Għaliex? Infakkru li kien hemm ftehim bejn xi media houses stabbiliti li ma jitkellmux fuq dan ir-rapport ta’ Bonello.

Fuq kollox, infakkar lil Grech li l-gazzetta tiegħu għandha akkuża mingħand l-avukati ta’ Yorgen Fenech li wieħed mill-ġurnalisti tagħha avviċina u pprova jbiegħilhom informazzjoni dwar dan il-każ li hu ġabar mingħand is-Secret Services Maltin. Sallum ma nafux jekk il-Kummissarju tal-Pulizija fetaħx inkjesta dwar dan il-każ jew le.

Il-verita’ hija li Herman Grech qalilna li hu ma jaħsibx li dawk li qed jiktbu li Yorgen Fenech mhux ħati, qed jirnexxilhom jikkonvinċu lin-nies. Jien mhux qed nikteb fil-meritu jekk Yorgen Fenech hux ħati jew le. Aktar ma naqra aktar nikkonvinċi ruħi li sar frame-up fuq Yorgen Fenech. Għalhekk dak li qed nikkritika huwa dwar il-fatt ta’ kif qed isiru l-affarijiet fil-każ ta’ Yorgen Fenech. Jekk hux ħati jew le tistabbilh l-qorti.

Biss naħseb li l-gazzetta tiegħu mhux qed tinkonvinċi lin-nies għaliex fl-istess waqt li qed jgħid “I don’t think they succeeded,” qal li dawk li qed jikkummentaw fuq il-media soċjali qed jagħmlu ħafna ħsara lill-ġurnalisti. Għaliex? Mela l-ġurnalisti huma xi baqra sagra?

Infakkar lil Grech li hu għandu opinjonista li jikteb fil-gazzetta tiegħu u jikteb ukoll fuq il-media soċjali. Mela jekk dawn l-opinjonisti tal-media soċjali jagħmlu ħsara, għala qed jistieden wieħed minnhom biex jikteb kull nhar ta’ ħadd fil-gazzetta tiegħu? Din mhix kontradizzjoni? Dan l-opinjonista huwa Manuel Delia. Dan għajjarni mafjuż u qal li jien qed nieħu l-flus u ma ġab l-ebda prova ta’ dan kollu.

The editor-in-chief Grech qed jippretendi li l-Prim Ministru għandu jaċċetta li jkun intervistat minn The Times of Malta. Issa jekk il-Prim Ministru ma jridx jagħtikom l-ebda intervista għandu d-dritt kollu li jirrifjuta. Huwa wkoll għandu d-dritt tal-liberta’ tiegħu li ma jaċċettax li jkun intervistat. Fuq kollox, intom tkunu selettivi liema artikli tippubblikaw u liema ma tippubblikawx. Staqsi lil Fr. David Muscat ħa jgħidilkom jekk intom għandkomx aġenda f’dak li tippubblikaw fil-gazzetta tagħkom jew le!

Imbagħad Grech gerger li l-media houses ingħataw l-istess ammonti ta’ flus minħabba l-Covid19. Din kienet botta għall-Gvern għaliex ftit wara qal li The Times hija l-ikbar media house. Imma d-daqs mhux bil-fors ifisser kwalita’. Jekk hu jaħseb li għandu gazzetta li kapaċi tikkonvinċi lin-nies, l-anqas biss kellu għalfejn imur għand il-Gvern biex jitolbu l-flus. Bil-bejgħ stess tal-gazzetta kien jagħmel tajjeb għall-ispejjeż. Il-fatt li qed jeqred għall-flus juri li n-nies ma għadhomx jikkonvinċu ruħhom b’li tgħid The Times of Malta. Kieku qed jikkonvinċu ruħhom, The Times of Malta ma kienetx tmur jitkarrab il-flus għand dan il-Gvern li skont l-istess gazzetta huwa korrott. Mela issa l-flus tal-korruzzjoni saru tajbin sakemm jidħlu fil-but tal-istess gazzetta.   Il-kobor tal-media jinsab fil-fatt kemm ikollok nies jaqrawk u l-kontent. Il-bejgħ tal-gazzetta ma għandux x’jaqsam mal-Covid19. Il-verita’ hija li The Times of Malta ma għadhiex istituzzjoni bħal ma’ kienet qabel. Spiċċat minn istituzzjoni meta spiċċa l-aħħar editur serju Lawrence Grech li warajh kellu storja ta’ edituri li għamlu ġieh lil din il-gazzetta.

Leave a Reply