Blogpost; Il-Maratona tal-Ħadd li Għadda: Iwarrbu x-xogħol ta’ Dr. Delia.

Kemm ilu li sar Kap Dr Grech saru żewġ maratoni. Meta tagħmel paragun ma’ dak li nġabar taħt il-Kap ta’ qablu hemm nuqqas kbir ta’ ġbir u vot ta’ sfiduċċja ċara.

L-ewwel maratona ta’ Adrian Delia €620,000.

L-ewwel maratona ta’ Bernard Grech €307,000.

December 2019 ta’ Adrian Delia €405,000

December 2020 ta’ Bernard Grech €324,000.

Mid-dehra r-ribelli li qatt ma taw ċenteżmu fi żmien Delia, ma rnexxilhomx jaqilbu l-miżien u xorta baqgħu bla ħeġġa. Sewwa għidt kemm-il darba li dawn l-aġenda tagħhom mhijiex il-ġid tal-Partit imma l-ġid tagħhom. Mela bħala konkluzzjoni ta’ dan kollu nibqa’ insostni, u ħadd mhu ser jikkonvinċini differenti, li dawn id-deputati ribelli ma jimpurthomx mill-Partit imma jinqdew bil-Partit. Ħa nfakkar fil-famuża kwotazzjoni ta’ Kennedy: ‘Ask not what your country can do for you, but what you can do for your country’. Ħa naqilbuha għall-argument tagħna ‘Tistaqsix x’jista’ jagħmel il-Partit għalik, imma x’tista’ tagħmel int għall-Partit’.

Taħsbu li toqogħdilhom lil dawn l-imsieken ta’ ribelli? Innotajtu xi ħaġa li ħarġet tassew ċara nhar il-Ħadd. Minbarra David Agius u Robert Arrigo, kull min qabad jew temmawlu l-microphone kollha semmgħu ż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom bħala pajjiż. Kienu jafu li mhux ser ikun hemm riżultat tajjeb għalkemm dejqu lil kulħadd bl-assedju ta’ messaġġi. Jekk kontu tafu li ż-żmien huwa diffiċli u li n-nies m’għandhomx flus fi bwithom misskom ma għamiltu xejn. Imma tgħiduli kif ser ikunu jistgħu jħallsu l-pagi, speċjalment dawk il-pagi kollha li żdiedu kemm ilu li tela’ Grech?

Imma ħa nasal għaż-żewġ punti li tawni fastidju ħafna f’dawn iż-żewġ maratoni. Ma ktibt xejn wara l-ewwel maratona għax ħsibt li kien għadu ferħan Bernard. It-tesserati lil min ivvutaw fl-aħħar elezzjoni nterna? Kemm il-kandidat kien hemm? Kien hemm xi wieħed minnhom li niżżel ismu u isem xi ħadd ieħor fuq il-karta tal-vot? It-tesserati sa fejn naf jien għamlu għażla bejn tnejn. Il-ġerarkija tal-Partit tniżżel fuq nett lill-Kap. Wara l-Viċi-Kapijiet. Wara s-Segretarju Ġenerali. Wara l-Presidenti tal-Kumitati Prinċipali, Amministrattiv, Eżekuttiv eċċ. Sa fejn naf jien qatt ma daħħlu l-familjari fil-lista tal-ġerarkija. Imma mid-dehra issa nqaleb kollox. L-iżjed nies importanti tal-Partit saru Bernard Grech, martu (u hawnhekk nifhimha) imma mhux uliedu. Din qatt ma rajtha kemm ilhom isiru l-maratoni. Għalija din hija xi ħaġa li tweġġgħani li ulied Bernard jiġu qabel il-Viċi Kapijiet. Il-protocol jafuh tajjeb, jew fejn iridu jużawh. Għalija din tfisser biss impożizzjoni u arroganza. Rajthom jien kemm taw eluf it-tnejn li huma, ħarira l-bogħod minn Arrigo waħdu!!! Possibbli l-amministrazzjoni tilfet daqsek il-kukki u toqgħod għal dawn l-oxxenitajiet.

It-tieni ħaġa li kienet mhux biss tweġġa’ imma tal-mistħija kien ir-riklam li għamlu dwar l-apparat li nxtara għall-medja Nazzjonalista. Lanqas biss indenjaw ruħhom isemmu li l-ordni għall-apparat saret fi żmien Dr. Adrian Delia, li l-pagament għall-apparat sar fi żmien Dr. Delia u li dan l-apparat kellu jiġi qabel imma minħabba raġunijiet li ma kienx hemm kontrol fuqhom wasal tard. Imma possibbli lanqas għandkom id-diċenza tagħti l-krettu lil min ħaqqu? Possibbli ma tafux tistħu? Possibbli li kull ma għamel Dr. Delia tridu tidfnuh? Possibbli li Dr. Delia ma għamel xejn tajjeb? Possibbli li l-għira u l-ħdura li rajna, għadha għaddejja sal-lum? Possibbli Karl Gouder lanqas int ma kont taf? Possibbli Karl ma tinżillekx sa l-istonku tiegħek li dak sar daqs kemm tħabat Dr. Delia? Istħi jekk taf, int, sħabek u ta’ madwarek. Grazzi talli tippruvaw tkomplu tkissru lill-kap ta’ qabel. Aħna m’aħniex ser ninsew għax dak inxtraw bi flusna u mhux flusek Karl u flus sħabek. Mela meta tasal dik il-ġurnata importanti aħna nagħtukom il-grazzi billi nħallu l-kaxxi ta’ ħdejn isimkom vojta. Imbagħad mingħajr mistħija ta’ xejn titolbu lin-nies li weġġgħajtuhom b’għemilkom biex jiġu lura. Komplu għamlu affarijiet bħal dawn. Komplu jżirgħu l-mibgħeda. Komplu kissru u aqta kemm tarawhom ġejjin lura.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *