Hemm Ħsieb biex Jibda jintuża dak li Jissejjaħ “Course of Conduct” biex Jagħlqu Ħalq il-Ġurnalisti

Il-bieraħ David Casa u Manfred Weber kitbu artiklu twil li ġie ppubblikat fl-aħħar paġna tas-Sunday Times. Fih tkellmu li f’Malta l-liberta’ tal-espressjoni hija mhedda. Qalu li l-liberta’ tal-istampa f’Malta waqqgħet lura.

Din hija affermazzjoni interessanti. Infakkar li f’dan l-aħħar snin f’Malta għaddew liġijiet li kellhom jagħtu spinta ’l quddiem lil-liberta’ tal-istampa. Mela kif din waqqgħet lura? Insemmi biss hawn il-liġi tal-libell. Din ma baqgħetx kriminali. Insemmi l-liġi marbuta taż-żebligħ tar-reliġjon. Din ma baqgħetx kriminali. Jien ma bqiltx magħha. Imma dan mhux l-argument hawn. Għall-pajjiżi Ewropej, it-tneħħija ta’ din it-tip ta’ restrizzjoni kellha ttella’ lill-Malta ’il fuq fl-istatistika jew indiċi bħala pajjiżi li fihom hemm l-istampa ħielsa. Fil-verita’ qed jiġri bil-maqlub. Għaliex?

Casa u Weber tkellmu fuq Daphne Caruana Galizia bħala t-torċa tal-liberta’ tal-istampa. Biss kemm dawk li jħaddnu l-kawża ta’ Daphne verament jemmnu f’dan l-ideal? Jafu dawn is-sinjuri li bħal issa hemm persuni qrib il-kawża ta’ Daphne Caruana Galizia li qegħdin jaraw kif jużaw dak li fil-liġi kriminali tagħna jissejjaħ bħala ‘course of conduct’ biex jagħlqu ħalq dawk il-ġurnalisti u nies privati li jitkellmu kontra dak li għaddej bħalissa fil-qorti rigward Daphne Caruana Galizia u dak li hija tirrappreżenta.

Course of conduct means a pattern of conduct composed of a series of acts over a period of time, however short, which evidences a continuity of purpose.

Anki jekk l-iskop ta’ dawn l-artiklu jkun biex toħroġ il-verita’, dan l-aspett tal-liġi ser ikun użat biex jagħlqu ħalq il-ġurnalisti. Wara dan anki hemm politiku jew politiċi li jħobbu jgħajtu li f’Malta ma’ hawnx rule of law u l-liberta’ tal-istampa hija mhedda.

Għaliex dawn is-sinjuri li għadhom tant għal qalbhom il-liberta’ tal-espressjoni ma tkellmux dwar dan? Forsi ma jafux x’inhu għaddej. Il-course of conduct huwa aspett tal-liġi kriminali tagħna maħsub biex irażżan dak li jissejjaħ ‘harassment’ jew “stalking” fuq persuni. Fi kliem ieħor, bl-użu ta’ dak li fil-liġi kriminali jissejjaħ ‘course of conduct’, uffiċjali tal-pulizija jew avukati fl-uffiċju tal-Avukat ġenerali jistgħu jagħmlu proċessi kontra ġurnalisti jew persuni privati jekk iħossu li dawn qed jiktbu fuqhom fil-media soċjali. Huwa jistgħu jargumentaw li qed iħossuhom ‘harassed’ b’din il-kitba, anki jekk dak li qed jinkiteb dwarhom huwa marbut max-xogħol pubbliku tagħhom. L-argument tagħhom huwa li qed iħossuhom mhedda f’xogħolhom bl-artikli li qed jinkitbu kontra tagħhom, anki jekk dak li jkun qed jinkiteb huwa biss maħsub biex jikxef it-taħwid li jkun għaddej. 

Fi kliem ieħor, anki jekk dak li jkunu qed jiktbu fuqhom huwa minnu, għaliex kieku kienu jagħmlu kawża ta’ libell, taħt l-iskuża ta’ ‘harassment’ jew “stalking”, jużaw dak li jissejjaħ ‘course of conduct’ biex jiftħu kawża u jieħdu azzjoni speċifika kontra l-ġurnalisti u kull ċittadin li jikteb dwarhom jew jikkritika x-xogħol tagħhom. B’hekk jippruvaw jagħqulu ħalqu.

Leave a Reply