Il-Flus tal-Maratona tal-PN tal-Lum għal min Ser Imorru?

Il-bieraħ jien għamilt mistoqsija fejn staqsejt jekk id-diretturi li qed ikunu appuntati minn Bernard Grech qedx jieħdu salarju ta’ 40,000 euro kull wieħed fis-sena. Sal-lum għad ma għandhiex tweġiba. Kien hemm persuna li bgħattitli dan il-messaġġ.

“Il-qofol ta’ kollox huwa hawn. Taħsbu li dawn id-Diretturi li qed japponta Bernard Grech ser jaħdmu għal xejn? Taħsbu li dawn ser jagħtu l-ħin tagħhom gratis et amore lill-Partit? Għala ħadd ma kiteb jekk dak li inti għidt hux veru jew le? Ma għandix dubju li dawn ser ikunu mħallsa. Nikkonferma li fid-Dar Ċentrali, id-diskors huwa li dawn id-Diretturi li ġew appuntati qed jingħataw paga ta’ erbgħin elf euro (€40,000) fis-sena kull wieħed. Jekk dan hu minnu faċli tasal li kull sena dawn id-Diretturi ser jiswew lill-Partit mitejn u tmenin elf Euro (€280,000). Dan għaliex il-pjanijiet huma li jkun hemm seba’ diretturi. Il-fatt li l-mistoqsija li għamilt inti fuq Facebook ma ġietx miċħuda tikkonferma dak li inti qed tistaqsi dwar dan il-fatt.

Tidher li l-baqra tal-Partit ħxienet sew u qed taħleb il-flus flok il-ħalib. It-teżorier il-ġdid sab ma’ wiċċu dawn il-pagi kollha li jfissru li l-ewwel maratona tal-Partit li qed issir illum, ser tmur biex tħallas il-pagi ta’ dawn id-Diretturi biss. Inħalli lil kulħadd jirrifletti fuq din is-sitwazzjoni u nħalli lil kulħadd jistaqsi jekk hux sewwa li aħna l-partitarji ta’ dan il-Partit glorjuż għandniex niġu mitluba ngħinu lill-Partit finanzjarjament biex naraw flusna sejrin fuq dawn il-kapriċċi biex jiġu akkomodati nies li l-validita’ tagħhom ġiet meqjusa biss fuq kemm għinu lil Dr Bernard Grech fil-kampanja elettorali.

Id-dispjaċir tiegħi huma lejn il-ħaddiema onesti li hemm jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista. Dawn huma l-veru vittmi ta’ din is-sitwazzjoni li ġiet ikkreata llum fil-Partit Nazzjonalista.”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *