Joseph Muscat Jitkellem dwar Frame-up u Jispiċċa Jaqbel ma dak li qed Nikteb Jien.

Illum waqt l-inkjesta, Joseph Muscat tkellem dwar attentat ta’ frame up kontra tiegħu li falla. Muscat semma dan l-attentat lit-tliet imħallfin meta kien qed jitkellem dwar Melvin Theuma u Vince Muscat il-Koħħu. Hu tkellem kif Melvin Theuma u t-tifla ta’ Vince Muscat il-Koħħu telgħu wara xulxin biex jagħtuh l-awguri tal-Milied. Verament ħaġa stramba. Fuq kollox, Joseph Muscat qal li s-servizz sigriet infurmawh li Melvin Theuma ried jieħu ritratt miegħu meta kien ġej biex jagħtih l-awguri tal-Milied. Kien f’dan il-kuntest li Muscat tkellem dwar frame-up fuqu. Hu qal li dan il-fatt ma tħallix isir.

Biss il-mistoqsija tiġi waħidha? Għala Joseph Muscat ta’ maħfra presidenzjali lil Melvin Theuma meta dan ried jagħmel frame-up fuqu? Hawn xi ħaġa li ma ddurx. Jien kontra l-maħfriet presidenzjali. Mela għala persuna li qed tipprova tagħmel frame-up fuq Prim Ministru, jiġifieri Melvin Theuma, tingħata din l-maħfra? Muscat implika wkoll lil Vince Muscat. Dan ma ngħatax il-maħfra presidenzjali għaliex l-għażla waqgħet fuq Melvin Theuma.

Il-mistoqsija li trid issir hija din. Min verament kien hemm wara r-rakkommandazzjoni lill-Prim Ministru biex Melvin Theuma jingħata’ din il-maħfra? Safejn nafu aħna, din ir-rakkommandazzjoni ġiet mingħand il-pulizija.

Infakkar li wara li ġie arrestat Yorgen Fenech, Joseph Muscat kien qal li dan il-każ issolva. Nieħu pjaċir naqra li meta l-bieraħ beda jitkellem quddiem l-imħallfin tal-inkjesta Muscat stess għamel stqarrija u spiċċa jaqbel ma dak li qed nikteb jien, jiġifieri, li  ElectroGas ma għadha x’taqsam xejn ma’ dan il-kawża. Fuq kollox qal dak li qed ngħid jien li l-anqas il-mottiv tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma hu ċar. Mela dan il-każ l-anqas għadu biss solvut.

Fuq kollox, matul din l-inkjesta tal-lum, Jason Azzopardi reġa’ semma’ l-fatt li Joseph Muscat ċempel lil Keith Schembri biex jinforma lil Yorgen Fenech ħalli ma jaħrabx minn Malta. Illum nafu, li Yorgen Fenech ma kienx ser jaħrab mill-gżira. Dan ġiet ppruvat fil-qorti. Mela din l-informazzjoni mogħtija lil Muscat, meta hu kien Prim Ministru, kienet falza. Dak li ħadd għadu staqsa lil Joseph Muscat minn qallu li Yorgen Fenech kien ser jaħrab? Il-biża’ tiegħi hija li min ta’ din l-informazzjoni kien wara jew kien qed jintuża f’dan il-frame-up li nħema kontra Yorgen Fenech.

Fuq kollox, il-bieraħ, Jason Azzopardi reġa’ semma l-istorja li Yorgen Fenech inqabad bid-droga l-Amerika. Qagħad attent kif iqiegħed il-kliem. Fil-verita’ u din ġa ħarġet fil-pubbliku, Yorgen Fenech mar l-Amerika għall-programm ta’ reabilitazzjoni fi klinika speċjalizzata. Biss il-ġurnalisti, li għandhom agenda, dawru din l-istorja, għal kif jaqbel lilhom. Dak li nista’ nikkonkludi li bil-mod li xehed Joseph Muscat, anki hu ma għadux jara lil Yorgen Fenech bħala l-mandant ta’ dan il-qtil.

Leave a Reply