Francis Zammit Dimech ma Weġibx li qed Jitħallas mill-Partit Nazzjonalista
Jien irċevejt dan il-messaġġ mingħand persuna li hija qrib il-Partit Nazzjonalista. F’dan il-messaġġ qalli hekk:
“L-aħbarijiet li qed joħorġu mid-Dar Ċentrali bħalissa huma xokkanti u jirriflettu ħaġa waħda biss. Il-flus m’għadhomx problema għall-Partit Nazzjonalista. Mistoqsija li tiġi waħedha: Jaqaw infetħu bibien is-sema u qed taqa’ manna ta’ Euro fuq id-Dar Ċentrali? Jew inkella, min hu dak il-bniedem li qed jippompja ammonti kbar ta’ Euro fil-Partit, jew liema hi dik il-kumpanija (jew iżjed) li qed tissussidja l-infiq li qed isir? Skond informazzjoni ta’ min jorbot fuqha, nafu li Dr Francis Zammit Dimech jieħu elfejn Euro netti fix-xahar. Forsi tajjeb li nistaqsu hawn jekk Dr Grech hux qed jieħu hu wkoll paga mill-Partit? Ma tkun ebda sorpriża jekk din tkun veritiera”.
Kif inhu d-dmir tiegħi, jien ktibt lil Francis Zammit Dimech ftit tal-jiem ilu fuq Messenger. Fiha staqsejtu jekk hux veru li hu qed jitħallas bħala segretarju ġenerali. Staqsejtu wkoll jekk hu veru li huwa qed jitħallas u hux jieħu elfejn euro fix-xahar ta’ dan ix-xogħol bħala segretarju. Staqsejtu wkoll jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni hux qed jitħallas extra bħala kap tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri barra l-paga tal-parlament u kap tal-oppożizzjoni qed jieħu ħlas bħala kap tal-Partit Nazzjonalista? Anki jekk dawn il-mistoqsijiet bgħatthomlu fil-bidu tal-ġimgħa, sal-lum jien għadni bla tweġiba. Forsi jekk issa jaqra dan il-messaġġ jitħajjar jagħtini tweġiba. Dak li nista’ ngħid li meta kien hemm Dr. Adrian Delia bħala kap tal-partit, dan ma kienx jitħallas talli jmexxi lill-Partit Nazzjonalista. L-unika paga li kellu kienet dik tal-Parlament. Ibqgħu żguri, li kieku Adrian Delia kien jitħallas, din l-aħbar ġa ħarġet mill-gazzetti qrib ta’ Bernard Grech.