Sentenza tal-Maġistrat Rachel Montello kontra Membru tal-Occupy Justice
Il-maġistrata li qed tmexxi l-inkjesta kontra Yorgen Fenech, Rachel Montebello, illum tat sentenza li ma għoġbot xejn lil tal-Occupy Justice. Din tikkonċerna kawża ta’ libell li fetħet Pia Zammit kontra It-Torċa. Dan għaliex it-Torċa għamlet storja minn ritratt li Pia Zammit tellgħet fuq il-Facebook Page tagħha. F’dan ir-ritratt, Pia Zammit tidher libsa kustum militari u fuq iż-żejżiet tagħha, anzi ħa nkun eżatt, fuq il-beżżuliet, għamlet l-iskwastika tan-Nazi fuq kull naħa. Fil-verita’, din l-iswastika hija mirror inverted. L-iskwastika tan-Nazi serviet dak li bit-Taljan jgħiduluhom “copricapezzoli” jew “nipple covers”. Għalija, dan ir-ritratt juri li kienet qed tieħu pjaċir f’din il-pożizzjoni qiesha ta’ xi soubrette. Zammit qalet li dan ir-ritratt kellu x’jaqsam ma rappreżentazzjoni teatrali li kienet ħadet sehem fiha.
Għal numru ta’ snin kont direttur ta’ istitut fl-Univerista’ li taħtu kien hemm l-istudju tat-teatru. Jien personalment ma nara xejn ħażin, li ġurnal jippubblika dan ir-ritratt u jagħmel storja minnu. Fuq kollox, kif qalet il-maġistrata, kienet Pia Zammit stess li tellgħet dan ir-ritratt fuq il-Facebook. Naħseb li ta’ l-Occupy Justice iridu jkollhom ftit ta’ umilta’. Din mhux xi nuqqas ta’ sensittiva lejn l-artisti. Infakkar li jien qed nikteb fuq dan il-blogg taħt ismi. Biss membri tal-Occupy Justice u sħabhom xebbgħu jgħajruni u jżeffnu fin-nofs ix-xogħol akkademiku tiegħi u qatt ma għidt xejn. Verament dan hu każ ieħor ta’ two weights and two measures min-naħa tagħhom.
Din is-sentenza tiġi mas-sentenza l-oħra li ta l-Maġistrat Joe Mifsud fejn ħeles lil dawk li ġew akkużati li ssekwestraw lill-ġurnalisti ġewwa Kastilja. Din ukoll kienet sentenza tajba. Mifsud kellu raġun jgħid li meta ġurnalisti immur f’post li mhux propjeta tagħhom jrid iġibu ruħhom sew u ma jippretendux li jagħmlu li jridu. Billi qagħdu jistennew ftit minuti – f’sitwazzjon ta’ tenzjoni qawwija li kien hemm f’dak il-ħin ġewwa Kastilja – ma kkostitwixxix sekwestru ta’ persuni. Il-punt ta’ kwistjoni hawn ma kienx is-sekwestru iżda jekk dawk il-persuni li bblukkaw il-bieb kienux nies li normalment jagħmlu dan ix-xogħol ġewwa Kastilja jew le. Il-Magistrat Mifsud għamel aċċenn indirett għal dan il-punt meta tkellem fuq nuqqas ta’ protokol għal sitwazzjoni bħal dawn. U sew għamel. Fl-opinjoni tiegħi, fuq dan il-punt il-medja kellha tistaqsi u mhux jekk il-ġurnalisti intalbux jistennew ftit minuti sakemm ħareġ il-Prim Ministru.
Dawn tal-Occupy Justice u sħabhom iridu jieqfu li meta jkun hemm sentenza tal-qorti li ma tkunx iddoqq għall-widnejhom jgħidu li mhix tajba. Nifhem li għandhom id-dritt li jikkritikawha u ma jaqblux magħha. Biss jekk Pia Zammit tħoss li din is-sentenza mhix tajba, dejjem tista’ tkun appellata. Dan hu dritt li tagħtiha l-liġi u jekk tħoss li dan il-ġudizzju naqas magħha, għandha, permezz tal-avukat tagħha, tintavula appell.