L-Europol Tikkonferma Dak li Qed Ngħid Jien: Hemm Frame-up kontra Yorgen Fenech

Il-bieraħ kompliet il-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. Kif kont ħabbart jien, minn dik id-data kollha li ġiet preżentata ma ħareġ xejn relatat mad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Anzi dak li sirna nafu l-bieraħ kompla jikkonferma dak li qed ngħid jien, li f’dan il-każ għandha frame-up fuq Yorgen Fenech. Għaliex qed ngħid dan?

Mela l-bieraħ kellna waħda minn dawk il-ftit waqtiet f’din il-kompilazzjoni fejn id-difiza setgħet tagħmel il-kontro-eżami tagħha. Infakkar li l-prosekuzzjoni jew aħjar id-Deputat l-Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qed ikaxkar saqajh biex jgħajjat lil Melvin Theuma u lil Keith Schembri ħalli jkomplu jixhdu u b’hekk id-difiża tkun tista’ tagħmel il-kontro-eżami tagħha.

Il-bieraħ id-difiża għamlet il-kontro-eżami lill-esperti tal-Europol. Ġa ħareġ li Petrou qal li mhux hu li qiegħed jimmaniġġja jew jieħu ħsieb, din id-data. Fuq dan ktibt fi blogg separat. Biss illum ħareġ aktar għalfejn Petrou qal li hu mhux qed jieħu ħsieb din id-data. Qed jgħid dan  għaliex jaf li d-data estrata mill-kompjuters mhix id-data meħuda mill-kompjuter ta’ Yorgen Fenech?

Qed ngħid dan għaliex il-bieraħ sirna nafu li s-seriel numbers, jiġifieri dak in-numru uniku li jkollhom fuqhom il-hard disks, li qed jingħad li huma ta’ Yorgen Fenech, ma qablux ma’ dawk reġistrati mill-istess Europol u li skond huma saret l-estrazzjoni tad-data minn fuqu. Is-serial number huwa numru uniku li kull hard disk ikollha. Fi kliem ieħor, is-serial number tal-hard disk li qed jingħad li huma ta’ Yorgen Fenech u dawk li l-istess esperti qed jgħidu li analizzaw ma jaqblux.

Dan ħareġ il-bieraħ meta d-difiża eżaminat lill-espert ieħor tal-Europol, Giuseppe Totaro. Totaro qal li dan hu typo error. Żball tal-kitba. Ħalliena kwieti. Possibli li dan Totaro, li kien jaħdem man-Nasa, ma jafx jikkopja is-serial numbers tajjeb? Hawn mhux żball wieħed kien hemm. KULL HARD DRIVE LI ĠIET PREŻENTATA L-BIERAĦ FIL-QORTI – U KIEN HEMM NUMRU TA’ HARD DRIVES – KOLLHA KELLHOM IS-SERIAL NUMBER MA’ JAQBILX MA’ DAK IRREĠISTRAT LI SUPPOST SAR IX-XOGĦOL FUQHOM.

Dan qiesu jien qed nagħti lezzjoni fl-universita’ dwar l-Assedju l-Kbir u ngħid lill-istudenti li l-Gran Mastru ta’ żmien l-Assedju l-Kbir kien jismu Hitler. Li l-Germaniżi użaw l-ajruplani Stuka biex bihom jattakkaw lill-Kavalieri u lill-Maltin li kienu assedjati ġewwa Sant’Iermu u li Maltin u l-Kavalieri rnexxilhom iwaqqgħu dawn l-ajruplani Stuka billi sparawlhom il-vleleġ. Wara ngħid skużawni kien lapsus!

Kull minn jaħdem f’dawn l-affarijiet u mod partikolari fl-IT jaf li din it-tweġiba mhix kredibbli. Anki żball wieħed mhux aċċettabbli. Aħseb u ara kollha ħżiena! Dawn l-esperti tal-Europol kellhom iż-żmien kollu biex jiċċekkjaw li dak li qed jiktbu huwa preċiż. Hawn qed nitkellmu fuq każ il-qorti li minħabba din ix-xhieda qed jinżamm persuna arrestata.

Totaro jista’ jgħid dan kien typo error lill-persuni li ma humiex esperti fl-IT. Dawn m’humiex żballji aċċettabbli fi proċess ta’ din in-natura u għamla. Żball bħal dan juri nuqqas ta’ professjonalita’ minn naħa tal-Europol. Mhux ta’ b’xejn li t-team leader l-anqas resaq b’nemes lejn Malta!

Il-verita’ hija li fil-Qorti ġew ippreżentati hard drives li ma humiex ta’ Yorgen Fenech. Imbagħad jgħajruni giddieb u jridu jkeċċuni mill-universita’ għaliex qed ngħidilhom li hemm frame-up. Għandha proċess korrott mill-bidu sa l-aħħar.

Fuq dan is-suġġett bgħattli messaġġ espert tekniku u qalli li dak li ġara l-bieraħ qiesu ġie espert forensiku f’ġuri dwar persuna li nqatlet b’tiri ta’ pistola. Il-pistola trid tkun ippreżentata fil-ġuri bħala prova. Jiġi l-espert ballistiku u jippreżenta l-pistola. Imbagħad jiġu ppreżentati l-bullets u jinstab li dawn ma qablux mal-pistola li minnha ġew sparati t-tiri biex intqalet dik il-persuna. Imbagħad l-espert ballistiku jgħid lill-qorti, skużawni ġibt bullets oħra bi żball.

Din il-persuna għalqet dan il-messaġġ bil-kelma “Inkredibbli”! Infakkar li quddiem dan it-taħwid kollu, hemm detenut il-ħabs li qed ikun imċaħħad mill-prosekuzzjoni milli jingħata l-liberta’ proviżorja. Infatti, reġa’ nżamm xahar ieħor il-ħabs, għaliex is-smiegħ li jmiss huwa għal bidu ta’ Jannar.

One comment

Leave a Reply