Ir-Range tal-Isparar f’Ta’ Kandja u l-Akkademja tal-Pulizija

F’dawn il-jiem il-Gvern kien qed jiftaħar li ġie konkluż xogħol ta’ infrastruttura fil-kumpless tal-Pulizija f’Ta’ Kandia l/o Siggiewi. Dan il-kumpless kien għadda f’idejn il-Pulizija fi żmien Gvern Socjalista wara t-tluq tal-Ingliżi minn Malta lejn l-aħħar tas-snin 70. Il-Gvern Soċjalista ta’ dak iż-żmien beda juża dan il-post bħala l-kwartieri għall-iskwadra tal-SMU – Special Mobile Unit. Din kienet skwadra ta’ kontra l-irvellijiet.

Fis-snin ta’ wara, taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista, dan il-post beda jintuża l-aktar ta’ taħriġ għall-pulizija. Eventalment, fih anki inbniet l-akkademija tal-Pulizija. Din kienet twaqqfet mill-amministrazzjoni Nazzjonalista fil-bidu kienet topera mill-Forti ta’ Sant Iermu. Il-vizjoni tal-Gvern ta’ dak iż-żmiene kienet dik li xi darba l-Akkademija tal-Pulizija tkun verament istituzzjoni edukattiva rikonoxxuta fuq pilastru professjonali u li taħdem b’mod konġunt fit-taħriġ tagħha mal-Universita’ ta’ Malta.

Dak li ma ntqalx meta nfetaħ dan il-kumpless ġdid f’Ta’ Kandja li llum il-korp fadallu għalih biss l-użu ta’ anqas minn terż ta’ dak li kien hemm sa ftit ta’ snin ilu. Dan għaliex il-Gvern inqeda bl-issue tas-sigurta’ nazzjonali biex għamel range ġantesk b’mod li kisser l-idea ta’ Akkademja tal-Pulizija professjonali li kien hemm għal dan il-post. Dan meta l-argument kien li l-forzi tas-sigurta nazzjonali kienu fil-ħtieġa ta’ range simili partikolarment għat- taħriġ fir-rifles. Biss jidher li ftit ingħata kas li dan ir-range kien jinkorpora ċertu riskji għal fatt li jinsab qrib wisq tal-Ajruport. Kien ghalekk li għall-użu tal-armi tal-isparar fuq il-plattini saret bħal purtiera enormi biex tilqa’ iċ-ċomb. Min-naħa l-oħra ma smajna xejn aktar dwar ir-range li kienet intiża biex isservi għat-taħriġ tal-isparer ta’ rifles mill-pulizija. Infakkar li din kienet ir-raġuni għala l-gvern poġġa il-ħtieġa ta’ range ġdida mill-forzi tal-ordni u għaqqad l-iżvilupp ta’ dan ir-range ma dan il-post.

Illum jidher ċar li dan ir-range mhux qiegħed hemm għas-servizz tal-pulizija. Dak li ma jingħadx, li biex għamel dan ir-range, il-Gvern kisser il-potenzjal li kellu dan il-post bħala Akkademja ta’ taħriġ għall-Pulizija li tant konna niftaħru biha. L-amministrazzjoni Laburista ta’ żmien Joseph Muscat ħolqot dan ir-range u kien anki wegħda elettorali, iżda l-wegħdiet elettorali ma jsirux għal skapitu ta’ proġetti ieħor li jkunu qed jaħdmu tajjeb u b’vizjoni.

Infatti, fi ftit snin oħra, xi amministrazzjoni futura, trid terġa tevalwa post ġdid biex iservi ta’ akkademja tal-pulizija. Tant dak li qed ngħid hu minnu li l-pulizija jidher li qatt ma wżat dan ir-range għat-taħriġ tagħha f’għamla ta’ sparer b’armi tan-nar u wisq aktar sparer bir-rifles. Infakkar li saru xi insinwazzjonijiet f’dan ir-rigward u dawn qatt ma ġew miċħuda. Fuq kollox meta jkun hemm il-kompetizzjoni f’dan ir-range, il-lezzjonijiet ma jista’ jkunu jsiru kif suppost fl-akkademija. Dan minħabba raġunijiet ta’ ħsejjes kontinwi ta’ sparar għaliex ir-range huwa fil-viċinanza mal-klassijiet.

Leave a Reply