Telefonata oħra mill-Mobile ta’ Yorgen Fenech lill-Mara Tiegħu.

Fil-jiem li għaddew kien hemm telefonata oħra min-numru jew aħjar mis-simcard ta’ Yorgen Fenech lill-mara tiegħu. Din it-telefonata saret fit-3 ta’ filgħodu. Ma għandniex xi ngħidu, telefonata ħasdet bil-kbir lill-mara tiegħu. Il-mara tiegħu saħansitra marret l-għassa u għamlet rapport dwar dan il-każ. Din hija t-tieni darba li l-mara ta’ Yorgen Fenech irċeviet telefonata minn fuq in-numru ta’ żewġha.

Forsi wieħed jistaqsi imma x’hemm ħażin f’dan? Il-ħażin jinsab li dan it-telefon u simcard ġew meħuda mill-pulizija. L-informazzjoni u kull messaġġ li hemm f’dan it-telefon u simcard ġew ippreżentati mill-Europol fil-qorti u dwarhom ser ikompli jinstema’ l-każ illum.  Din it-tieni telefonata saret biss ftit jiem qabel mal-Europol ġiet Malta biex tippreżenta din l-informazzjoni kollha.   

B’hekk il-mistoqsija tiġi waħidha: kif il-mara ta’ Yorgen Fenech irċieviet dawn it-telefonati – meta dan it-telefon bis-simcard ta’ żewġha qegħdin għand il-pulizija? Ma għandix dubbju, li dan it-telefon u simcard spiċċaw għand il-Europol.

Kif kelli ċans ngħid, it-team leader tal-Europol ma ġiex mal-kumplament tat-team. Nemmen li telefonati bħal dawn minn simcard li qegħda għand il-pulizija lill-mara ta’ detenut il-ħabs mhumiex aċċettabli. Il-pulizija jew l-Europol jew it-tnejn iridu jagħtu spjegazzjoni għaliex dawn seħħu.

Dan il-fatt ma ġarax darba iżda darbtejn. It-Team leader irid jirrispondi u jagħti spjegazzjoni.

Leave a Reply