L-Avukata Anna Mallia Titlob għall-Inkjesta

Kif xandart, ftit jiem qabel mal-pulizija Maltija u l-Europol ippreżentaw l-informazzjoni jew data mill-appartati elettroniċi u digitali li l-pulizija qed tgħid li huma ta’ Yorgen Fenech fil-qorti, il-mara tiegħu rċeviet telefonata fit-tlieta ta’ filgħodu minn fuq is-simcard ta’ żewġha. Il-mara ta’ Yorgen Fenech għamlet rapport l-għassa filgħodu kmieni dwar dan il-każ. L-avukata Anna Mallia kitbet taħt din l-istorja li l-mara ta’ Yorgen Fenech għandha titlob għall-inkjesta.

L-avukat Anna Mallia bdiet il-karriera legali tagħha fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali u allura għandha esperjenza sew tal-proċeduri u kif jaħdem dan l-uffiċju f’kawżi kriminali. Bħal dejjem, l-avukata Mallia kienet diretta fi kliemha.  Qalet ċar u tond li quddiem fatt bħal dan għandha tinfetaħ inkjesta. Hija kienet ċara li l-mara ta’ Yorgen Fenech  għandha titlob inkjesta ħalli jkun stabbilit kif SIM card li qedha fil-pussess tal-pulizija tintuża biex minnha jsiru telefonati. Din ma kienetx l-ewwel darba li din il-mara, li żewġha qiegħed detenut il-ħabs, irċeviet telefonati mis-SIM card ta’ żewġha. Dan mhux aċċettabli u juri li f’dan il-każ l-affarijiet mhux sejrin tajjeb.

Imbagħad niġi mgħajjar li jien qed nigdeb meta ngħid li Yorgen Fenech ġie fframjat f’dan il-każ. X’interess kien hemm biex is-SIM card tintuża ħalli minnha jċemplu lill-mara ta’ Yorgen Fenech fit-tlieta ta’ filgħodu? Kien hemm xi ħadd qed jilgħab mad-data tat-telefon ta’ Yorgen Fenech min-naħa tal-Europol jew il-pulizija Maltija f’dak il-ħin?

Issa anki s-serial number ħareġ li ma kienx tajjeb. Fuq dan nikteb fi blogg separat.

Infakkar li ġa saret akkuża minn Adrian Delia li din id-data ġiet imbabsa. Verament nemmen bħall-avukata Mallia li għandha ssir inkjesta ħalli jkun stabbilit il-verita’ ta’ dawn it-telefonati mis-SIM card ta’ Yorgen Fenech lill-mara tiegħu.

Leave a Reply