Blogpost: Vendikazzjoni fid-Dar Ċentrali fuq Persuna Vulnerabbli

X’għamel Dr Joseph Muscat meta sar Kap tal-Partit? Dan għamel l-almu tiegħu kollu biex sejjaħ lil kulħadd lura, saħansitra mar u nieżel għarkubtejh quddiem Mintoff u daħħlu fid-Dar tal-ħġieġ għall-ewwel darba. Nafu wkoll li wara li laħaq Prim Ministru ramihom ‘l hemm. Imma t-tagħlima hija waħda li meta tkun fl-oppożizzjoni għandek bżonn lil kulħadd u ma tagħmel għadu tiegħek lil ħadd. Dr Grech tgħallem xi ħaġa minn dan? Assolutament xejn? Dr Grech, jekk trid l-għaqda trid taqta’ biċċa minn ilsienek u ma tista’ qatt tkun kattiv. Mela ftit tax-xhur ilu l-Kap tal-Partit Dr Delia poġġa persuna magħrufa minn kulħadd bħala l-ewwel persuna li kull min jidħol fid-Dar Ċentrali jrid ikellem, tpoġġa fuq l-iskrivanija fir-reception. Hawn qed nitkellem fuq Pawlu Galea. Dan jiġi ħu l-MP Nazzjonalista Mario Galea.

Mela Pawlu ġie mogħti fiduċja sħiħa biex jilqa’ lin-nies. Pawlu huwa persuna li, ma nkun qed ngħid xejn ġdid, ibagħti b’kondizzjoni diffiċli u li nammirah għax jistqarrha ma kulħadd mingħajr ebda problema ta’ xejn. Fi kliem ieħor, Pawlu Galea huwa persuna vulnerabbli.

Pawlu huwa bniedem li dejjem kien minn ta’ quddiem f’kull ma talab il-Partit tkun xi tkun is-sitwazzjoni jew l-avveniment. Pawlu ilu wkoll snin twal jaħdem fid-Dar Ċentrali. Għandu preġġji u difetti dan ir-raġel? Għandu bħal ma għandu kulħadd. Jien hawnhekk ser ngħid dak li smajt jien. Kemm kien ilu fir-reception ma kien jaqbiżlu xejn. Wieħed deputat magħruf qal hekk fuq Pawlu, meta nidħol id-Dar Ċentrali kien jgħidli, ‘dawn il-ħamsa min-nies ċemplu u staqsew għalik, ara li ċċemplilhom għax iridu jkellmuk’. Hu u ħiereġ l-istess deputat, Pawlu kien isaqsih ‘kellimthom lil dawk in-nies li tajtek’. Jekk ir-risposta tad-deputat kienet tkun ‘imma wieħed ma sibtux’ Pawlu kien jgħidlu ‘għidli minn hu ħalli nfakkrek għada’. X’servizz trid iżjed mill-persuna li taħdem fuq id-desk tar-reception? Jiena smajt din minn deputat wieħed, imma jien ċert li dan Pawlu kien jagħmlu ma kull min kien jidħol id-Dar Ċentrali. Fil-foyer tad-Dar Ċentrali joqogħdu dejjem xi nies jgħidu kelma. Lil Pawlu jittantawh u hu ma kienx joqgħod lura. Issa kulħadd jaf li dan Pawlu huwa meqjus ta’ Delia. Darba fost l-oħrajn kien dieħel Dr Grech u dan Pawlu qallu ‘jien ser intik l-appoġġ tiegħi kollu għax issa l-Kap huwa int’. Ir-risposta ta’ Dr Grech kienet ‘imbagħad nilħqu nitkellmu’.

Mela għaddew xi tlett ġimgħat u dan Pawlu qala’ transfer vendikattiv u ġie trasferit għal ma’ tal-maintenance. Pawlu sar jaf li r-raġuni li qala’ dan it-transfer kienet għax terżi persuni, ta’ ruħ tajba, marru qalu lil Dr Grech li Pawlu kien qed isemmi lil Delia. Fl-omnipotenza tiegħu u bħala bniedem li jippriedka li l-politika hija msejsa fuq in-nies u l-ġid li nistgħu nagħmlu lin-nies, Bernard Grech b’mod kiesaħ u biered tgħajjar lil Pawlu mir-reception. Neħħieh mir-reception fuq deċiżjoni tiegħu personali. U dan Pawlu l-akbar dnub li għamel huwa li semma lil Delia. Sa fejn naf jien Delia kien Kap tal-Partit, ser jitniżżel fl-istorja tal-Partit u għadu parti mill-grupp parlamentari ta’ l-istess Dr Grech. Jiġifieri hawn qed ngħidu li kull min jaħdem fid-Dar Ċentrali u jsemmi lil Delia jiġi vvendikat? Din hi l-għaqda li trid Dr Grech? Din il-politika li ddur mal-benefiċċju tan-nies? Din hija l-politika li tħaddan int, li min mhux miegħek tgħaqtalu rasu politikament? Jiġifieri din il-mossa kattiva li għamilt ma bniedem li għandu ċertu problemi, hija riflessjoni ta’ kif ser taġixxi int ma’ dawk li kienu u għadhom iħossuhom imweġġgħin għal mossa viljakka li għamlu r-ribelli ma’ Dr Delia u tinkwieta xejn dalwaqt tasal tiegħek ukoll? Jiġifieri int qed tibagħtilna messaġġ li int tgħir għal Dr Delia? Int qed tipprova tgħidilna biex ninsew li Kap tal-Partit kien hemm Dr Delia qablek? Int qed tipprova tnessina li r-ribelli għamlu tlett snin jippruvaw itajru lil Delia u rnexxielhom għax dħalt kompliċi magħhom int? Possibli int vavu daqshekk? Possibbli li l-politika li tħaddan int hi daqshekk pwerili?

2 comments

  1. Jien opinjoni wahda ghandi .. cara daqs il kristal hadd u xejn mu ser jibdilli femti .. jekk Delia johrog fuq id distrett tieghi … l ewwel Delia umbadd fuq dawk li kienu japogjawh biss … dawk li kienu kontrih bla vott jibqaw minghandi u jekk jobqa postijiet vojta ser jibqsw vojta .. u jekk Delia ma.johrog fuqi lest nivota Labour umbadd inkompli fuq fuq tal Pn li apogjaw lik Delia biss ..

  2. Qed nassumi li l-kittieb semgha din il-verita’ min fomm Pawlu. Jekk huwa hekk, allura jien nikkundanna dan l-ghagir irresponsabbli u koddard tal-kap. Jekk il-kittieb semgha minghand terzi, allura nikkundanna bl-istess mod lilu!

Leave a Reply