Għaliex ma ġiex it-Team Leader tal-Europol responsabbli mill-Investigazzjonijiet tal-Qtil ta’ Daphne?

Il-bieraħ kien imiss li jkunu ppreżentati d-dokumenti mill-Europol. Għal darba oħra, din il-preżentazzjoni ġabet aktar mistoqsijiet milli tat- tweġibiet. Dan għaliex l-anqas it-team leader ma ġie. Għalija din hija xi ħaġa serja. Ilna nitkellmu tant dwar dan il-qtil u ngħidu li dan hu ta’ livell internazzjonali li qatt ma rajna bħalu. L-Ewropa u l-Kunsill tal-Ewropa ilhom jagħmlu tant pressjoni fuq il-Gvern u mbagħad it-team leader li ħa ħsieb dawn l-investigazzjonijiet daqshekk importanti lanqas biss jiġi meta qed issir il-preżentazzjoni ta’ din id-dokumentazzjoni daqshekk importanti fil-qrati tagħna.

Infakkar kemm Jason Azzopardi kien ilu jgħid li ser ikunu ippreżentati dokumenti daqshekk importanti. Anki l-ġurnali ilhom jitkellmu dwar din il-preżentazzjoni ta’ din id-dokumentazzjoni. Imbagħad, min mexxa din l-investigazzjoni l-anqas biss ġie. Ħa ngħiduha bil-quddiem. Dan kien ilu jaf b’din is-seduta fil-qorti tagħna. Kellu kull żmien biex jippjana l-vjaġġ għal Malta. Tiskanta u titnixxef kif it-team leader ma jiġix.  Jekk tmur tgħid li milli jidher dan ma jemminx fil-kawza ta’ “Daphne”, tkun mgħajjar b’fakenews u conspiracy theories. Kieku kien jemmen bis-sħiħ f’din il-kawża kien jagħmel minn kollox biex ikun preżenti.  

Fuq kollox l-ikbar waħda hija din. Waħda mill-persuni li ġie Malta għal din il-preżentazzjoni, Petrou qal hekk fil-qorti:

17:05 Petrou: “The documentation contains this information but I wasn’t managing the case.”

Għaliex Petrou qal li huma ma kienx qed jieħu ħsiebha ‘managing it’?

Mela x’ġew jagħmlu dan it-team mill-Europol f’Malta? Jaqaw dawn ġew jieħdu vaganza?

Forsi wieħed jista’ jargumenta li t-team leader ma ġiex għaliex huwa ma għandux role f’din l-investigazzjoni. Biss il-mistoqsija tibqa’. Jekk Petrou qal fil-qorti li huwa ma kienx qed jieħu ħsieb il-każ hu, mela min kien qed jieħu ħsiebu? Nemmen li mistoqsija bħal din, it-team leader biss jista’ jagħti tweġiba fil-qorti. Fuq kollox hemm affarijiet oħra li jrid jirrispondi t-team leader, inkluż il-fatt li l-mara ta’ Yorgen Fenech irċevit telefonati mill-mobile ta’ żewġha meta dan hu taħt sekwestru tal-pulizija u d-data li kellu fil-mobile kienet qed tiġi investigata mill-Europol. Dwar dan ser nikteb fi blogg separat.  

Leave a Reply