Blogpost dwar il-Laqgħa tal-Eżekuttiv tal-4 ta’ Novembru 2020
Nixtieq ngħidlek li dak li ktibt dwar il-laqgħa tal-eżekuttiv tal-Partit Nażżjonalista li saret fl-4 ta’ Novembru huwa kollu minnu. F’din il-laqgħa kellna eżempju ċar ta’ kif għandek titfa’ warajk dak li tkun għaddejt minnu ftit taż-żmien qabel. Kif għandek taħfer id-daqqiet kbar li tkun qlajt. Kif għandek tinsa dawk l-atti, allavolja oxxeni, li għamlulek sħabek stess. Iva ħbieb dan kollu twettaq f’din il-laqgħa tal-eżekuttiv tal-PN tal-4 ta’ Novembru.
Jiena nħossni mbellaħ, mistagħġeb, żbalordit, mifxul, imħawwad u perpless kif bniedem jista’ jinsa dak kollu li għadda minnu f’dawn l-aħħar tlett snin u waqt laqgħa fejn tnejn minn dawk (wieħed aktar minn ieħor) li attakkawh bla riserva prova jidħol bejniethom u jara kif isib kompromess. Affarijiet li jiskantawk. Imma fuq kollox turi kemm dan il-bniedem huwa raġel ta’ integrita enormi, huwa raġel li verament irid il-ġid tal-Partit, kemm huwa raġel li ma jħares lejn wiċċ ħadd imma ma jridx li l-Partit joħroġ tellief b’xi deċiżżjoni li tista’ tittieħed.
Adrian Delia hu eżempju ħaj ta’ irġulija mingħajr limitu. Adrian Delia, flok ħa l-okkazzjoni biex jkisser lil dawk li attakkawh, prova jintervjeni bejniethom biex isibu soluzzjoni li tkun tajba għat-tnejn. Bniedem ta’ qalb kbira li kieku għinuh flok kissruh kien ikollna mexxej dinjituż, ta’ stoffa li ilna ma naraw bħala u li kien jagħtina ċans li niġġieldu b’qawwa lill-avversarju politiku tagħna. Grazzi Adrian għax int bniedem eżemplari.
Kif għidt inti, iż-żewġ protagonisti f’dan il-battibekk kienu Dr Chris Said u Mr Claudio Grech. Bħalissa fil-Partit għandna Kap li lanqas biss ikkontesta biex isir Kap fl-aħħar elezzjoni li kellu l-Partit. Dr Bernard Grech huwa biss il-faċċata tal-Partit imma d-deċiżżjonijiet li jittieħdu kollha qed jittieħdu minn Chris Said. Dan l-avukat Għawdxi donnu abbanduna l-avukatura tiegħu għax kemm ilu li nbidel il-Kap qed ikun kuljum id-Dar Ċentrali, ħafna drabi fl-uffiċċju ta’ Dr Grech. Fl-aħħar laqgħa tal-eżekuttiv kellna tlett konfermi ta’ dan. Waħda kienet meta Chris Said instema’ jgħid ‘mela kull ma nagħmel jien kollu ħażin’, oħra meta qal lis-Segretarju Ġenerali, qabel qara l-lista tal-kandidati, li l-ismijiet kienu imniżżla b’mod alfabetiku u l-oħra meta qabad u telaq il-barra għax ma ħax li ried.
Dan ifisser li kien Chris Said li tkellem mal-kandidati u rranġa magħhom fuq liema distrett ser jikkontestaw. Dan ifisser ukoll li hemm nies fl-eżekuttiv li m’humiex kuntenti li Chris Said qed jindaħal fit-tmexxija tal-Partit. Dan ifisser ukoll li Bernard Grech jagħmel biss dak li jgħidulu. Sfortunatament dan kien mill-ewwel, għadu u jkollu jibqa’ pupazz tal-klikka tar-ribelli u tas-sostenituri ta’ Daphne.
Din il-laqgħa tal-eżekuttiv tatna wkoll prova ċara li mhux kollox sew fl-għaqda tar-ribelli. Mela, f’wieħed mill-interventi tiegħu, Claudio stqarr li l-votanti mhux kuntenti bl-MPs li ħadu l-akbar tkaxkiriet tal-Partit u qal li għandhom jikkonsidraw jekk għandhomx ikunu fuq il-lista tal-kandidati għall-elezzjoni li ġejja. Fil-fatt hu xtaq li ma jkunx imniżżel fuq dik il-lista. (Iż-żmien jagħtina parir). Chris Said wara li ħadha qatta bla ħabel kontra Claudio qal ukoll li hu ma kienx fuq dik il-lista li nqrat. Isa malajr ixgħelulu xemgħa għax sar qaddis.
Wara dan il-battibekk Francis Zammit Dimech qal li ma jistax ikun li l-aqwa żewġ politiċi li għandu l-Partit ma jikkontestawx fl-elezzjoni li ġejja. Jaħasra Francis kif spiċċajt f’sitwazzjoni pwerili. Qallek Claudio li l-votanti ma jriduhomx lil dawn in-nies. Imma ara ma titqarqux. Chris Said huwa ħaxxej Għawdxi. Dan ser jilgħab il-logħba tal-martri politiku. Issa ser jgħid li hu aħjar iwarrab (tinsewx aktarx ħiereġ ħuh). Imbagħad il-Partit (bi ftehim minn qabel) joħroġ jgħid li fuq Għawdex il-kanditatura hija batuta u li hemm ċans li ser jintilfu ħafna voti fuq dan id-distrett. Wara b’ħafna xeneġġjati u teatrini Chris Said joħroġ jgħid li l-Partit qed isejjaħlu u jitolbu biex jikkontesta u mingħalih jilagħbha tas-salvatur. Jaħasra b’min taħseb li qed tgħaddi ż-żmien Dr Said. Taħseb li x-xeneġġjati tiegħek ma drajnihomx s’issa. Aħna n-Nażżjonalisti ġenwini ngħidulek li mingħajrek Għawdex imur ħafna aħjar. Warrab issa għax kont il-kaġun li Għawdex intilef għall-ewwel darba. Int kont ir-raġuni unika li f’Għawdex tlifna ħafna voti u allura l-maġġoranza. Għal ġid tal-Partit, li suppost tgħid li tħobb, irtira issa, irriżenja minn kull pożizzjoni li għandek fil-Partit u tersaqx iżjed ‘l hemm.