Philip Galea Farrugia u r-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja

Kif wgħedt lid-Deputat Avukat Ġenerali tar-Repubblika ta’ Malta, Philip Galea Farrugia, ser ikompli nikteb posts dwaru. Dan qed nagħmlu biex nurih li l-posts tiegħu lili ma jbeżżgħunix. Qatt ma bżajt mill-bullies u wisq aktar ħa nibża minn bullying li ġej bħad-deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia.

Philip Galea Farrugia huwa figura pubblika u b’hekk jaqa’ taħt l-iskrutinju tal-media. Fuq kollox, huwa l-persuna fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali li qed jieħu ħsieb il-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. Il-bieraħ il-Malta Today qaltilna li kien ‘in a deep conversation with Jason Azzopardi’. Allura hemm interess fl-azzjonijiet tiegħu. Dan mhux qiegħed f’’deep conversation’ ma’ avukat kwalunkwe. Bħala d-Deputat Avukat Ġenerali, nixtieq nistaqsi lil Philip Galea Farrugia dawn il-mistoqsijiet.

Fil-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, qed ikun hemm numru ta’ rinviji. Min qed jiffirma dawn ir-rinviji? Ikun qed ngħid sew li dawn ir-rinviji qed tiffirmahom int?

Il-kelma rinviju hija waħda teknika. Hawnhekk għandha l-qorti tal-magistrati li qed taġixxi bħala qorti istruttorja. Il-kelma istruttorja ġejja mit-Taljan u tfisser li l-qorti qed tieħu l-ordnijiet jew l-“instructions”. F’dan il-każ qed teħodhom mill-uffiċju tal-avukat ġenerali. Min jagħti dawn l-instructions fl-uffiċju tal-avukat ġenerali għandu poteri kbar f’din il-kawża. Dawn l-istruzzjonijiet jiddeterminaw il-proċess tal-kumpilazzjoni u anki jinfurmaw lill-qorti dwar ix-xhieda li l-istess qorti tkun trid tisma’. B’hekk f’dik li tissejjaħ qorti istruttorja, il-maġistrat jibgħat il-proċess lill-uffiċju tal-avukat ġenerali. Fl-uffiċju tal-avukat ġenerali jiġi mqabbad avukat biex jieħu ħsieb il-każ. Dan l-avukat imbagħad jibgħat lura bl-istruzzjonijiet jew ‘instructions’ lill-maġistrat u jgħidlu x’jonqsu jagħmel u min jonqos jitla’ jixhed. Mela min jitla’ jixhed jiddependi mill-uffiċju tal-Avukat tar-Repubblika.

Issa fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech għad irid ikompli jixhed Keith Schembri. Infakkar li x-xhieda ta’ Keith Schembri ġiet sospiża. Kemm infakkar li l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali għadu qatt ma talb biex din ix-xhieda tiġi konkluża.

Għaliex l-avukati tal-parte ċivili ma huma qed jgħidu xejn fuq dan? Għaliex mhux qed jagħmlu pressjoni biex Keith Schembri jitla’ jixhed? Għajruh tant li hu korrott tas-Soċjeta’ Ċivili, Tal-Occupy Justice, tar-Repubblika u anki Manuel Delia! Jason Azzopardi huwa l-avukat tagħhom. Għaliex ma jitkellmux fuq dan?

Fuq kollox għandi mistoqsija oħra għal Philip Galea Farrugia. Jekk huwa l-avukat li qed jiffirma r-rinviji, ma jħossx li mhux qed jagħmel sewwa meta huwa qed jassisti lill-pulizija ma’ Jason Azzopardi? Jiġifieri fl-opinjoni tiegħu li jagħmel ir-rinviji u  jitla’ fil-qorti u jassisti lill-prosekuzzjoni ma jikkonstitwixxix konflitt ta’ interess? Dak li nista’ ngħid li l-liġi tagħna tippermetti li avukat fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali jagħmel ir-rinviji u jassisti lill-pulizija. Biss din il-kawza qed turi ċar il-konflitt ta’ interess li teżisti fil-liġi Maltija. Meta sar il-liġi li tagħti d-dritt lill-avukat ġenerali jagħmel ir-rinviji u jassisti lill-pulizija ma kienx għad hemm ir-rowl tal-parte ċivili bħala parti mill-proċess ġudizjarju f’kawża. B’hekk in-nuqqas ta’ separazzjoni qed jikkrea konflitt ta’ interess ċar.

Infakkar li l-Kummissjoni ta’ Venezja irrakkomandat lil Gvern għas-separazzjonijiet ta’ dan ix-xogħol. Fi kliem ieħor din il-kommissjoni indunat b’dan il-konflitt. Infatti rakkommandazzjoni hija biex ikun appuntat direttur tal-presekuzzjonijiet sabiex jagħti pariri legali u l-assistenza lill-pulizija u ieħor biex jagħmel ix-xogħol tal-avukat ġenerali. Ara din ir-rakkommandazzjoni l-Gvern għadu ma wettaqhiex. Għaliex?

F’din il-kumpilazzjoni, l-istess avukat, jiġifieri Galea Farrugia, qed jassisti lill-pulizija, jassisti lill-parte ċivili, jagħmilha ta’ prosekutur fil-qorti u fl-istess waqt jagħmel ix-xogħol tar-rinviji li hu strettament marbut max-xogħol tal-uffiċju tal-avukat ġenerali. Ara fuq dan, il-media tal-buonisti ma titkellem xejn. Ara fuq dan il-fatt, l-Occupy Justice, Repubblika u Manuel Delia b’ħalqhom magħluq! Nittama li fuq dan il-punt il-Gvern jattwa din ir-rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja għaliex din il-kumpilazzjoni qed turi l-kunflitt ċar ta’ interess li llum jeżisti f’dan l-uffiċju tal-avukat ġenerali b’dettriment biex f’pajjiżna jkollha proċeduri ġusti u ekwi. 

Leave a Reply