Lovin Malta Gidbet fuq Yorgen Fenech
Illum hemm xhieda importanti fil-qorti fir-rigward tal-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. Din id-darba il-pulizija kellha ġġib il-whatapps messages ta’ Yorgen Fenech. Fil-verita’ dawn ilhom fil-media. Infakkar li l-ewwel darba li sirna nafu bihom kien mid-diskorsi li kien għamel Jason Azzopardi, li hu l-avukat tal-Parte Civili. Infakkar li dawn il-whatsapp messages, jew aħjar wieħed minnhom kien ġa ġie ppubblikat fis-Sunday Times u intuża biex tibda l-kriżi fil-Partit Nazzjonalista.
B’kumbinazzjoni meta llum kien hemm dan is-smiegħ fil-qorti, toħroġ storja minn LovinMalta li l-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u Joseph Muscat marru fil-Hotel Hilton ta’ Yorgen Fenech. Din hija gidba fis-sens li din il-lukanda qatt ma kienet ta’ Yorgen Fenech imma hija tat-Tumas Group.
Il-fatt li Tumas Group għandhom hotel fi Franza turi l-intelliġenza ta’ din il-kumpanija. Issa wieħed mid-diretturi tagħha qiegħed jinżamm detenut il-ħabs. Il-hotel hija Hilton Evians le Bains u tinsab bejn l-Isvizzera u Franza. Issa ħadd ma jista’ jgħid li t-Tumas Group ħadu din il-hotel bil-korruzzjoni jew għaliex kienu jistiednu lill-politiċi Maltin għall-ikel. Qed ngħid dan għaliex ilna nisimgħu li Yorgen Fenech huwa korrott u kkorrompa lill-politiċi. Naħseb aħjar nibdew nitkellmu li hawn għandna attakk koordinat kontra Yorgen Fenech biex ikissru lil dan il-businessman u jibdew ifarrku dan l-imperu finanzjarju. Żgur li ma kien hemm l-ebda politiku Malti wara dan ix-xiri ta’ din il-Hotel fi Franza. Dan ikompli jikkonferma li wara dan l-arrest hemm idejn moħbija li riedu jkissru lil dan il-businessman Malti.
Biss l-istorja ma tieqafx hawn. Intqal li Joseph Muscat uża l-ajruplan privat ta’ Yorgen Fenech. Din hija gidba. Dan qalitu LovinMalta. Il-familja Fenech ma kellha l-ebda ajruplan privat fl-2017. Din il-familja kellha dan l-ajruplan meta missier Yorgen Fenech kien għadu ħaj. Il-familja Fenech biegħet dan l-ajprulan fl-2015. LovinMalta kienet attenta. Qalet li allegatament użaw l-ajruplan ta’ Yorgen Fenech. Jien ġa kont ktibt li din il-familja ma għandhiex ajruplan privat aktar. Biss il-gideb ikompli jiġi pperpetwat kontra Yorgen Fenech. Biss hija verament tal-mistħija li wieħed jallega li Joseph Muscat uża fondi Ewropej għal dan il-vjaġġ li sar bl-ajruplan ta’ Yorgen Fenech. Jekk Joseph Muscat uża ajruplan privat, dan ma kienx propjeta’ tat-Tumas Group u wisq aktar ta’ Yorgen Fenech.
Kemm inżid li mhux talli t-Tumas Group ma kellhomx l-ajruplan għax wara li tela’ l-Lejber fil-Gvern fl-2013, kellhom ibiegħuh. Il-Gvern Nazzjonalista kien jikrih minn għandhom. Il-Gvern tal-Lejber ftit li xejn kien jagħmel użu minnu u b’hekk inbiegħ fl-2015.
Dak li nista’ ngħid li llum Joseph Muscat ma għadux Prim Ministru. Saħansitra huwa rreżenja mill-Parlament. Nispera li Jason Azzopardi jagħmel bħal Muscat u jirreżenja mill-Parlament talli bħalu ħa rigali mit-Tumas Group. Din l-istorja ħarġet biex jippruvaw imewtu l-iskandlu ta’ Jason Azzopardi.