Emendi fl-istatut biex jiddaħħlu aktar nies minn barra jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista

Advertisements

Il-Partit għadu kif bagħat ittra lill-kunsilliera kollha fejn qed jitlob il-konferma tagħhom għal emenda għall-istatut li ġie ffirmat ftit tal-ġimgħat ilu. Għal dan l-istatut intalbet votażżjoni fl-aħħar Konvenzjoni. Jiġifieri għalkemm dan l-istatut miktub mill-persuna l-aktar persuna astuta fil-Partit diġa ser ikollu jsiru emendi għalih. U dan qed isejħulu tiġdid.

L-ewwel punt – kif tista’ tibgħat ittra fid-djar bil-posta, mhux b’email, mingħajr ma tindenja ruħek tiffirma. Fl-aħħar tal-ittra hemm imniżżlin l-ismijiet ta’ Bernard Grech, avukat, Francis Zammit Dimech, Avukat, u Ċensu Galea, Perit. Ebda wieħed minn dawn ma ġietu f’moħħu li ittra li ser tintbagħat fid-djar bil-posta għandha tkun iffirmata. Dawn ma kienux ser jiffirmawhom kollha tafux! Waħda u barra bid-daqq. Dawn it-tlett amministraturi tal-Partit qed jiddikjaraw li qed isir ħafna tiġdid fil-Partit. Agħtu ċans il-linka tal-firem tal-istatut il-ġdid tinxef qabel tibdew iġġedduh.

It-tieni punt – kif hemm referenza għat-teżorier meta dan diġa nħatar u qed jaqdi xogħolu? Kif qed titolbu lill-kunsilliera jagħtukom il-kunsens issa ta’ xi ħaġa li diġa saret? It-teżorier il-ġdid ma kienx kunsillier u nħatar. Allura għax ma tlabtux din il-konferma qabel ma ħtartuh? Mela l-ewwel naġixxu u wara nieħdu l-permess.

It-tielet punt – la qed tintalab din l-emenda biex it-tlett nomini msemmija jkunu jistgħu jintlew minn barra l-eżekuttiv, din tfisser li ma nstabux nies idoneji biex jimlew iż-żewġ postijiet li fadal minn dawk li qiegħdin fl-eżekuttiv. X’messaġġ qed nagħtu hawn? M’aħniex qed ngħidu li fl-eżekuttiv ma għandniex nies kapaċi biex jimlew dawn il-postijiet hux? Jien naħseb il-ħsieb imur iktar fil-fond minn hekk. Jiena naħseb li għalkemm Dr Grech għandu maġġoranza ta’ membri tal-eżekuttiv favur tiegħu, huwa xorta jrid ikompli jsaħħaħ il-maġġoranza billi jdaħħal nies minn barra fl-eżekuttiv u jagħtihom id-dritt tal-vot. Dan qed jagħmlu biex jiġri x’jiġri Dr Grech ikun żgur li f’kull vot ikollu maġġoranza kbira u jidher li hu maħbub, milqugħ u li qed jaħdem tajjeb. Għalfejn qed tinkwieta Dr Grech? Dawn poġġewk hemm sal-elezzjoni. Biss ftakar li wara l-elezzjoni dawn li poġġewk itajruk għax dak kien il-pjan oriġinali.

Ir-raba’ punt – ftit tal-ġimgħat ilu l-klikka u dawk ta’ madwarhom li kellhom mitt ġenn biex itajjru lill-Kap ta’ dak in-nhar għaġġlu kemm felħu biex issir l-elezzjoni tal-Kap. Dawn il-manuvri kienu mgħejjuna mis-Segretarju Ġenerali li kien jaf li jekk ma jitlax Kap ieħor kien ser jitlef postu. Allura ħadem kemm felaħ biex ikun hemm il-bidla u aċċetta kull deċizzjoni li bdiet tieħu l-klikka. Fil-fatt dak in-nhar lanqas biss qatt semmew il-pandemija. Konna f’nofs l-inkwiet li ġġib magħha din il-pandemija u xorta organizzaw elezzjoni fiżika għall-eluf ta’ tesserati. Imma issa le! Issa qed taħraqhom qalbhom u jridu jieħdu ħsieb tal-kunsilliera, allura jridu li jagħmlu kollox b’mod elettroniku ħalli jsiru malajr. X’hini din l-għaġġla kollha? Min x’hiex qed tibżgħu? Mela ma tħossukomx sodi biżżejjed? Mela qed tiddubitaw mill-kunsilliera? Forsi qed taħsbu li tant qed tgħaffġu li qed iddejqu lil kulħadd? Din il-votazzjoni tista’ issir f’żewġ seduti ta’ sagħtejn il-waħda jew addirettura f’ġurnata waħda bħalma diġa saret ftit taż-żmien ilu. Naħseb li tafu sew x’qed tagħmlu għax intom stess iddikjarajtu li min ma jibgħatx risposta, dak il-kunsiller/a jiġu meqjuż li jaqbel. Qed tara kemm jiżdiedu malajr il-voti favur jew l-approvazzjonijiet.

Il-ħames punt – għeżież kunsilliera qed ifakkrukom li hemm il-maratona. Mela tinsewx li tridu tapprovaw din l-emenda, din l-emenda tfisser li jidħlu nies minn barra, nies minn barra tfisser ukoll pagi mhux żgħar, il-pagi jfissru flus, il-flus ifissru li dawn iridu jinġabru, il-ġabra tfisser maratona, il-maratona tfisser ġbir minn għand il-kunsilliera, u l-ġbir ifisser somom kbar imorru għand dawk li illum qed iġagħlukom tikkonfermaw. Jiġifieri qed jgħidulkom li ser iżidu n-nies id-Dar Ċentrali bis-saħħa tagħkom bħala kunsilliera, imma fl-istess ħin qed jitolbu lill-istess kunsilliera biex jagħtuhom l-flus għall-pagi. Mela hekk sewwa. Għall-kumdita tal-amministraturi, ibagħtu u jħallsu l-kunsilliera. Imma basta jgħidu li l-Partit tagħhom.