L-Imħallfin tal-Inkjesta Jiddubitaw kemm ix-Xhieda ta’ Melvin Theuma Hija Kredibbli
Il-bieraħ, 24 ta’ Novembru kien imiss lil Sandro Craus jidher quddiem l-imħallfin waqt din l-inkjesta. Sandro Craus kien risponsabbli mill-Customer Care ġewwa Kastilja. Jkolli ngħid li bħala xhieda ftit kien hemm xi tgħid fuqha. L-imħallfin kienu interessati jkunu jafu mingħand Craus dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Melvin Theuma. Huma staqsewh dwar dak li qal Theuma, jiġifieri li Craus kien ċempillu biex jiġi Kastilja ħa jiltaqa’ ma’ Keith Schembri u kien anki ddaħħal jaħdem maċ-Ċivil. Staqsew dwar il-kummenti li kien jagħmel kontra Daphne Caruana Galizia. Mill-bqija ma tantx kien hemm xi tgħid minn din ix-xhieda. Għall-inqas minn dak li ġie rrappurtat mill-ġurnali kien hemm nuqqas ta’ interess f’dak li ntqal il-bieraħ minn Craus.
Biss kien hemm kumment wieħed li laqatni. Hawn qed nitkellem għar-rapport li għamlet The Times fuq dan is-smiegħ. Meta l-Imħallfin kienu qed jistaqsu lil Craus dwar Melvin Theuma, l-imħallef Said Pullicino għamel żewġ kummenti f’sentenzi wara xulxin. L-ewwel qal li “We’re not interested in the criminal proceedings” u mbagħad kompla u qal “But if Melvin Theuma is believed, you have a problem”.
Dawn iż-żewġ sentenzi laqtuni b’mod partikolari. Nibda mill-ewwel waħda. Ili nsegwi din l-inkjesta u kien jidher ċar, għall-inqas li fil-passat, l-imħallfin kellhom ħafna interess fil-proċess kriminali li kien għaddej il-qorti. Jekk mhux b’mod dirett, kienu interessati b’mod indirett. Infakkar il-mistoqsijiet dwar l-ElectroGas peress li din kienet qed tkun ippreżentata bħala l-mottiv ta’ dan il-delitt. Biss minn meta xehed il-Kummissarju u qal li l-mottiv “mhux ċar”, jidher li l-interessi tal-imħallfin f’din inkjesta nbiddlu totalment. Naħseb ukoll li dan il-kumment naqqas mill-importanza tax-xhieda ta’ Sandro Craus, għaliex issa Melvin Theuma ma għadux xhud kredibbli.
Dan iwassalni għat-tieni punt. It-tieni punt marbut ma’ dak li l-Prim Imħallef Emeritu qal fuq Melvin Theuma. “Jekk Melvin Theuma jkun emmnut, inti (jiġifieri Sandro Craus) għandek problema.” L-ex-Prim Imħallef uża il-kondizjonali – jekk ikun emmnut? Din il-frażi ddaħħal f’moħħ min jaqraha element ta’ dubju fuq kemm ix-xhieda ta’ Melvin Theuma hija kredibbli. Qed naqra sew li issa anki l-imħallfin ta’ din l-inkjesta qed jiddubitaw fuq ix-xhieda tiegħu? Jiġifieri dan kemm jista’ jkun emmnut? Qed ngħid dan għaliex l-unika raġuni għala Yorgen Fenech qiegħed ikun miżmum il-ħabs taħt arrest huwa għaliex il-Maġistrata Rachel Montebello emmnet ix-xhieda ta’ persuna li issa anki l-imħallfin bdew juru nuqqas ta’ twemmin fih. Dak li wieħed jista’ jikkonkludi mill-mod kif xehed Craus huwa li (a) kien qed jipproteġi fix-xhieda tiegħu xi ħadd akbar minnu jew (b) inaqqas mill-veru valur tax-xhieda ta’ Melvin Theuma.