Il-Bord tal-Etika u Telfin tal-Valuri fil-Partit Nazzjonalista

Il-Bord tal-Etika tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ fir-raba’ sular tad-Dar Ċentrali u ddiskuta l-ħadma kerha ta’ wieħed mid-deputati tal-Partit. Moħħi mill-ewwel ħaseb fir-raba’ sular tal-Partit Laburista fejn iltaqgħu ħafna kumitati, bords, żvilluppaturi, fejn irrenjat il-ġungla laburista. Staqsejt lili nnifsi jekk ir-raba’ sular tal-Partit Nazzjonalista hux qed jagħmel l-istess jekk mhux agħar? Kif tista’ ma taħsibx dawn l-affarijiet meta taqra dwar l-eżitu tal-bord dwar l-etika prattikata minn wieħed minn tiegħu stess? Kif tista’ ma tiskantax li wara azzjoni oxxena bħal dik, il-bord tal-etika ddeċieda li jagħti daqqa fuq il-patata ta’ MP u jgħidlu terġax? Kif tista’ ma tiskantax li l-bord tal-etika ħaseb li qed imexxi klassi tal-kindergarten ġo skola tal-gvern u poġġa wieħed mit-tfal fil-kantuniera biex jindem minn dnubietu? Imbagħad l-istess nies li aċċettaw din id-deċizzjoni, jiġifieri il-fazzjoni ta’ Daphne li kienet dejjem kontra Dr Delia fl-eżekuttiv, lanqas biss jitolbu vot dwar dan il-parir tal-bord tal-etika. Juru kemm jinsabu kuntenti bl-eżitu, jiġifieri bid-deċizzjoni tal-bord. Kieku veru l-Partit jinsab magħqud u jaf x’qed jagħmel, lanqas biss kien jibgħat lill-bord tal-etika xi ħaġa bħal din biex tiġi dikussa u wara deċiża. Il-Partit kien jaqbad u jarmi ‘l barra dan il-membru parlamentari u jgħidlu ċar u tond li l-azzjonijiet u l-gideb tiegħu m’humiex aċċettabbli għall-Partit Demokratiku u Kristjan. Imma l-eżekuttiv jew biex inkunu preċiżi l-fazzjoni interna ta’ Daphne, tajbin biss biex imaqdru dak kollu li sar u forsi għadu jsir fir-raba’ sular tal-Partit tal-Labour, ma jagħtux każ dak li qed isir fl-istess sular, din id-darba tal-Partit Nazzjonalista, fejn jiltaqgħu huma bħala eżekuttiv. Jiġifieri dak li qed isir taħt imniħierhom. Veru ġibtu Partit li jġiegħelek tistħi tgħid li tagħmel parti minnu. Ġibtu Partit bla prinċipji u valuri. Kemm ilkom tgħidu li l-Partit Nazzjonalista ma jħallix li l-mara tintuża bħala oġġett, b’mod kapriċċjuż u oxxen. Kemm ilkom teqirdu li l-mara għandna ntuha d-dinjita’ li jixirqilha. Imma għal dan il-membru parlamentari li meqjuż bħala qaddis u bir-raġġiera, ma għandniex nikkastigawh għax ħa mara, jekk mhux tnejn, biex jgħaddi ġranet ta’ pjaċir sesswali u fuq kollox imħallsa minn terzi. Imma dan jista’ għax dan huwa meqjus l-uniku, jew kwazi l-uniku, avukat li jattakka lill-gvern fuq korruzzjoni u atti oxxeni oħra. Dan huwa l-idolu tar-Repubblika, tal-Occupy Justice, ta’ Manuel Delia u ta’ oħrajn għax hu qed jagħmel il-ġlieda f’isem il-familja ta’ Daphne. Imma intom bis-serjeta? Intom veru qed tiddefendu adulteru, giddieb u oxxen għax għamiltuh alla tagħkom? Smajt lil Manuel Delia jgħid li ħadd ma ried jidħol għad-difiża tal-familja Caruana Galizia. Allura dan jista’ jagħmel li jrid, jista’ jaqliba lill-mara, jista’ jsiefer fuq dahar ħadd ieħor, jista’ jixxala u jitqaħħab qisu m’hu qed jagħmel xejn ħażin? Tajtu każ li dan jifforma parti minn partit politiku? Tafu li dan wieħed mill-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista? Tafu li bid-difiża tagħkom, ta’ dan l-avukat bla skrupli, qed tirredikolaw lill-Partit Nazzjonalista? Tafu li bl-influwenza tagħkom fuq il-Partit spiċċajna fi stat redikolu li bord tal-etika ma jara xejn ħażin fl-atteġġjament ta’ dan il-maħmuġ? Mela nistgħu nikkonkludu, mingħajr ebda dubju, li l-Partit Nazzjonalista hu paljatt tagħkom. Il-Partit Nazzjonalista spiċċa l-arma f’idejn s-Soċjeta Ċivili, biex jitkellem fi u bi kliemha u biex ixerred il-ħsibijiet ta’ din l-istess soċjeta. Qum min hemm Partit Glorjuż li nafek sod u b’saħħtek. Ħallejt lil min ifarrkek. Ħallejt lil min jiġri bik. Tajjar il-ħmieġ minn nofsok. Qaċċat l-irjus mhux televhom. Tħallix iżjed minn jinqeda bik. Ixxerridtx kliemhom iżjed imma uża moħħok. Dejjem kont xempju tal-irġulija, dejjem kont il-mużajk tal-idejat, dejjem kont tgħożż lil kull min jargumenta b’mod differenti minn tiegħek, dejjem kont l-għaqda tal-ħsieb. Tħallix il-mibgħeda u aġendi personali perikolużi jirkbu fuq dahar il-Partit.

(Din l-ittra nitbagħtet lili minn tesserat tal-Partit Nazzjonalista).

Leave a Reply