Arnaud jgħid li jistgħu jkun oħrajn li qatlu lil Daphne Caruana Galizia

Il-bieraħ kien hemm is-smiegħ ta’ Sandro Craus li fiha l-imħallfin ġew irrappurtati li qalu li mhux interessati fil-proċess ta’ Yorgen Fenech. Illum deher l-investigatur ewlieni quddiem l-imħallfin. U fuq xix kienet il-mistoqsija tal-Imħallfin – għall-inqas dik li smajna u mill-parti li kienet miftuħa għall-ġurnalisti? Fuq il-proċess ta’ Yorgen Fenech! U x’ħareġ? Mill-mod kif xehed illum Keith Arnaud jidher li l-pulizija qegħda bil-mod tiekol dak kollu li qalet matul il-kompilazzjoni fir-rigward ta’ Yorgen Fenech. Mela sew kont qed nargumenta li Yorgen Fenech inżamm arrestat il-ħabs għalxejn. Mill-ftit li smajna llum, kompla jkun ikkonfermat li l-anqas idea ċara għad ma hemm tal-mottiv ta’ dan id-delitt. Mela għala kellna dawk fl-aħbarjiet kollha fil-passat li l-mottiv huwa l-ElectroGas? Infakkar li Bernard Grech ried inkjesta oħra fuq l-ElectroGas.

Issa Arnaud semma’ li jistgħu jkun hemm persuni oħra involuti li l-anqas konna nafu bihom. Ninsab ċert li dan hu pass ieħor mill-pulizija, wara li l-kummissarju tal-pulizija qalilna li l-mottiv mhux ċar, biex il-poplu jibda jiġi ppreparat li dak li nqtal fuq Yorgen Fenech ma kienx minnu. B’hekk, permezz ta’ din l-inkjesta pubblika reġa’ intefa’ ‘feeler ieħor’ biex jipprepara lill-poplu Malti għall-verita’; dik li persuna nżammet arrestata għalxejn il-ħabs.

B’kumbinazzjoni wkoll illum, Jason Azzopardi, li huwa l-avukat tal-parti ċivili, kiteb artiklu fit-Times. Fih qalilna li l-kompilazzjonijiet jieħdu fit-tul minħabba l-proċedura. Għalija, dan hu mod pulit kif il-parti ċivili qed teżonera lill-pulizija talli żammet persuna sena l-ħabs għalxejn. Nixtieq nistaqsi liema kumpilazzjoni ta’ delitt damet għaddejja kważi sena u l-prosekuzzjoni għadha l-anqas biss għalqet ix-xhieda kollha? Skont l-istess Azzopardi, kompilazzjoni normali tkun kompluta fi żmien xahar.

Fi kliem ieħor, bil-mod il-mod ġejjin għal dak li dejjem emmint fih jien. Lil Yorgen Fenech daħħluh fi xkora biex b’hekk tefgħu l-ħtija ta’ kollox fuqu.

Fuq kollox qed ikompli joħroġ dak li ili nikteb li Electrogas ma għandha xejn x’taqsam mad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.  Din iddaħħlet biss minħabba il-flus u għalxejn iktar. Iż-żmien qed jagħtini raġun anki fuq dan il-punt.

Mela għala persuna inżammet dawn ix-xhur kollha taħt arrest? Ir-risposta hija ovvja. Biex klikka tkun tista’ tgħajjar lil Adrian Delia minn nofs.

Kif jgħidu għal min jemmen: il-Bambin fis-sema għadu.

Leave a Reply