Where your opinion counts

Angelo Gafa’, il-Kuntrabandu taż-Żejt, u l-Inkjesti li Għadhom ma Sarux

Illum ġara fatt interessanti. Il-kuntrabandu taż-żejt reġa kien fl-aħbarijiet wara numru ta’ arresti. Infakkar li l-kuntrabandu taż-żejt kien il-mottiv oriġinali tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Imbagħad deher artiklu ta’ Manuel Delia fil-25 ta’ Novembru 2017 jargumenta kontra li dan kien il-mottiv. Wara ftit il-mottiv ma baqgħax it-traffikar taż-żejt u sar in-negozju mal-Azerbaijan u eventwalment 17Black.   

Infakkar li meta twaqqfu gruppi bħal Repubblika u Occupy Justice, dawn kellhom iwasslu biex iżidu l-fiduċja fil-korp. Infakkar li l-Gvern preżenti spiċċa jieħu r-rakkommandazzjonijiet tagħhom. Il-pulizija kienet biddlet il-mottiv tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex takkomoda t-teorema tagħhom. Iżda minflok żdiedet il-fiduċja fil-korp, din aktar naqqset. Dan qed joħroġ ċar għax in-nies qed jindunaw li  Yorgen Fenech mhux il-mandant. Ftit qabel ma saru dawn l-arresti, l-istess Kummissarju Gafa’ qal li l-mottiv tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mhux ċar.

Infakkar li l-Kummissarju preżenti ġie magħżul prattikament fuq sistema u metodu li xtaqu tal-Occupy Justice u-Repubblika. Infatti, jekk wieħed jinnota, dan il-Kummissarju mhux qed jiġi attakkat bħal ta’ qablu minn dawn l-organiżżazzjonijiet. Anzi jekk wieħed jinnota, dan il-kummissarju qed jiġi mfaħħar għaliex addirittura qed jiġbed qrib tiegħu ċertu media li hija viċin l-establishment Nazzjonalista u jagħmel li tgħidlu hija. B’kumbinazzjoni din l-istorja tal-kuntrabandu ħarġet f’The Times u l-artikolista kien Ivan Martin. Ivan Martin huwa l-ġurnalista li l-avukati ta’ Yorgen Fenech akkużawh li hu qrib is-servizz segriet. Infakkar fil-ħruġ ta’ informazzjoni mis-Secret Service Malti lil Media u li dwaru Angelo Gafa’ għadu ma għajjat l-ebda inkjesta. L-anqas ma għamel investigazzjoni fuq dak li qalu l-avukati ta’ Yorgen Fenech fir-rigward ta’ Ivan Martin.

Kemm infakkar f’wieħed mill-editorjali, Angelo Gafa’ issemma bħala kummissarju li għandu ħafna esperjenza. Fil-verita’, ħdejn dak ta’ qablu għandu ħafna inqas. L-esperjenza tiegħu hija fil-frodi. Forsi għalhekk għandna dawn l-arresti llum. Dan ta’ min ifaħħru. Il-pożizzjonijiet l-oħra li kellu kienu dawk fil-Malta Secret Service u kemm meta kien CEO tal-Korp. Dawn huma pożizzjonijiet ta’ natura politika. Hemm il-perċezzjoni fost il-pubbliku li għax tkun taħdem id-depot, int pulizija tajjeb. Lawrence Cutajar kellu esperjenza ħafna ikbar mill-kummissarju preżenti, biss ġie mmassakrat mill-media. Kemm infakkar li Lawrence Cutajar kellu esperjenza estensiva fuq barra u din kienet il-vera raġuni għala kien fil-mira tal-attakki minn diversi bnadi u mhux għaliex ma kienx kummissarju li kapaċi jġib riżultati.

Tgħid għalfejn riedu jtajjruh lil Lawrence Cutajar? Tgħid għaliex kienu jafu li ser jasal għal veru mottiv u jwaqqgħalhom kollox lil tal-Occupy Justice u tar-Repubblika?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *