L-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u l-Ministru tal-Ġustizzja għandhom jinvestigaw l-Aġir ta’ Philip Galea Farrugia

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia ħa għalih għaliex jien ktibt dwaru fuq il-paġni tiegħi. B’hekk mar fuq Facebook u kiteb post twil kontra tiegħi. Fi ftit kliem, ħaseb li ser jintimidani b’dak li kiteb. Iż-żmien tal-intimidazzjoni mill-uffiċjali spiċċa. Fost affarijiet oħra, id-Deputat Avukat Ġenerali qal li għad irid jitkellem fuq dak li ktibt jien fi żmien opportun. Skużi sur Deputat Avukat Ġenerali – tkellem issa jew qatt. Jien lili mhux ser tintimidani u ser inkompli nikteb fuqek.

Id-deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia kiteb hekk:

“Ma tantx inħobb nikteb hawnhekk dwar affarijiet relatati ma’ xogħol. Imma ma nistgħax ma nirrispondix lill-ARĊIGIDDIEB Simon Mercieca. Ikun jaf aktar dettalji fil-fora opportuni aktar ‘l quddiem.”

Ma naħsibx li dan hu diskors ta’ persuna li tiftaħar li hija id-Deputat Avukat Ġenerali tar-Repubblika. Mnejn sa fejn li d-Deputat Avukat Ġenerali tar-Repubblika jgħajjar ċittadin ARĊIGIDDIEB! Dan hu biss bullying min-naħa ta’ dan l-uffiċjal pubbliku. Fejn hu r-rispett tal-uffiċju tiegħu? Fuq kollox, fil-post li kiteb fuqi, Galea Farrugia ma ġabx eżempju wieħed ta’ xi gidba li jien għidt fuqu.

Fuq kollox, nixtieq nistaqsi lid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia jekk hux qed jikser il-Public Service Management Code meta qed iżomm paġna Facebook u qed jikteb fuqha? Nistaqsih ukoll jekk hux qed jikser il-Public Service Management Code meta qed imur fuq il-Facebook Page tiegħu biex jikteb, kif qal hu stess, xi ħaġa relatata dwar ix-xogħol? Fuq kollox, mhux qed jikser il-Public Service Management Code, meta jmur fuq Paġna Facebook u jgħajjar ċittadin ARĊIGiDDIEB? Qed ngħid dan għaliex bħala uffiċjal pubbliku tal-grad tiegħu mhux suppost għandu Facebook Page, aħseb u ara kemm jagħmel stqarrija bħal dik kontra ċittadin.

Bħala d-Deputat Avukat Ġenerali għandu l-mezzi uffiċjali kollha fejn jista’ jagħmel stqarrija bħal din jekk iħossu urtat b’dak li jinkiteb dwaru. Għandu uffiċju sħiħ għad-dispożizzjoni tiegħu u jekk irid jagħmel stqarrija, dan kellu jagħmilha “through his office” u mhux fuq paġna privata.

Fil-website justice.gov.mt insibu dan li ġej dwar l-uffiċjali, li bħal Philip Galea Farrugia, jaħdmu fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-uffiċjali tal-liġi tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huma obbligati wkoll isegwu Kodiċi ta’ Etika għall-Avukati u l-Prosekuturi Legali speċifiċi għall-Uffiċċju u ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern apparti mill-Kodiċi ta’ Etika li jirregolaw il-professjoni legali u s-servizz pubbliku in ġenerali.”

Issa l-kodiċi tal-etika li jirregola s-Servizz Pubbliku huwa l-Public Service Management Code.

Jistgħu funzjonarji għolja jiksru l-Public Service Management Code kif iridu? Nitlob li l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jinvestigaw dan il-każ gravi. Fl-opinjoni tiegħi, dan hu abbuż sfaċċat minn uffiċjal daqshekk għoli tar-Repubblika ta’ Malta. 

Leave a Reply