Mark Anthony Sammut Ikkonferma l-Paniku li hemm fil-Partit Nazzjonalista

Jien il-bieraħ bil-lejl ktibt numru ta’ posts ta’ kif Bernard Grech kien bi ħsiebu jassenja d-dikasteri jew shadow ministries. Din l-aħbar ġabet paniku kbir fil-Partit Nazzjonalista. It-trolls ta’ Bernard Grech ħarġu jiġru u bdew jgħidu li dan kollu gideb minn naħa tiegħi. Biss illum kelli konferma oħra li dak li għidt huwa minnu.

Dalgħodu kont mistieden biex nagħmel kollegament telefoniku fuq One TV għall-programm Paperscan. Dan janalizza l-gazzetti tal-ġurnata. F’dan il-programm, kien hemm mistieden Mark Anthony Sammut li llum hu kandidat tal-Partit Nazzjonalista. Il-preżentatur staqsini dwar dak li kxift jien, jiġifieri kif kien bi ħsiebu jagħmel ir-reshuffle tiegħu Bernard Grech. Fost l-oħrajn għidt li Claudette Buttigieg għamlet pressure kbira biex tingħata s-Shadow Minister tas-Saħħa. B’hekk taqla’ lil Spiteri, li huwa attwali shadow minister tas-Saħħa. Infakkar li Claudette Buttigieg kienet fil-passat ix-Shadow Minister tas-Saħħa.

Wara li għamilt l-intervent tiegħi fuq il-One TV, ma stajtx nibqa’ fuq il-linja minħabba impenji personali. Wara tkellem Mark Anthony Sammut. Huwa qal li ma jafx x’inhi l-aġenda tiegħi u minn fejn qed inġib din l-informazzjoni u dawn l-affarijiet. Hu qal li din tax-shadow cabinet hija ħrafa. Kemm infakkar li kienet l-istess LovinMalta li ammettiet li qegħdin isiru t-tħejjijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista biex ikun hemm Shadow Cabinet ġdid. Mela din mhix ħrafa.

Biss mingħajr ma induna, Mark Anthony Sammut ikkonferma dak li ktibt jien. Meta żvelajt dawn l-istejjer, jien ktibt li din ikkreat paniku kbir fil-Partit Nazzjonalista.

Waqt li Mark Anthony Sammut qal li dak li għidt ħrafa, fl-istess ħin qal li wara li xandart il-posts tiegħi, huwa tkellem ma’ Bernard Grech. Skont Sammut, Bernard Grech kien qed jiekol mal-familja. Kemm ngħid li jien ktibt il-posts tiegħi wara l-għaxra ta’ bil-lejl. Ma nistennix li f’dak il-ħin Bernard Grech, is-Sibt filgħaxija jkun id-Dar Ċentrali. B’daqshekk ma jfissirx li t-taħditiet bil-fors kienu qed isiru dak il-ħin. Verament faqar ta’ raġunar biex wieħed jitkellem hekk. L-anqas nistenna li wara li jien nikteb post is-Sibt filgħaxija, fl-għaxar ta’ bil-lejl, ikun hemm min imur idejjaq lil kap tal-partit minhabba l-post tiegħi.

Fi kliem ieħor, Mark Anthony Sammut ikkuntatja lil kap biex jgħidlu xi ktibt. Trid verament tkun f’paniku biex tagħmel hekk. Tant kemm kienu f’paniku, li saħansitra talbu lill-LovinMalta biex tikteb anki artiklu biex tgħid li dak li ktibt ma kienx minnu!

Nassigura lil Mark Anthony Sammut li jien ma ktibtx dawn l-artikli biex niddevja mir-reshuffle tal-cabinet ta’ Robert Abela imma għax nemmen li din l-informazzjoni hija ta’ utilita’ għall-poplu Malti u fuq kollox għall-elettorat Nazzjonalista. Ikkreat storbju għax għall-ħafna, dan deher bħala manuvrar u ġakbinar fi ħdan l-istess Partit Nazzjonalista minn deputati kontra oħrajn.

Leave a Reply