Jason Azzopardi Jikxef aktar Taħwid fl-Inkjesta dwaru Marbuta mad-Dipartiment tal-Artijiet
Xi ftit tal-jiem ilu Jason Azzopardi għoġbu jsemmini minħabba li ktibt fuqu matul il-kampanja tal-leadership tal-Partit Nazzjonlista. Matul din il-kampanja, jien kont għamilt riferenza għall-inkjesta li hemm marbuta mad-Dipartiment tal-Artijiet. Din l-inkjesta kienet infetħet wara li d-Dipartiment tal-Artijiet għamel rapport lill-pulizija fuq serq, korruzzjoni, misappropriazzjoni ta’ art pubblia u trading in influence relatat ma’ art pubblika f’Raħal Ġdid. Jason Azzopardi kiteb fuq il-Facebook page tiegħu u qal li jien qed nagħmel akkuża FALZA u ŻBALLJATA meta ngħid li hemm inkjesta li tikkonċerna lili u li din hija dwar ‘trading in influence, korruzzjoni u ma nafx hemm delitti oħra’.
Nibda biex ngħidlu lil Jason Azzopardi li dak li ktibt hu korrett. Issa bit-tweġiba twila tiegħu kompla jikxef it-taħwid li hemm f’dan il-każ li inċidentalment jikkonċerna Dipartiment li kien jiġu taħtu meta kien ministru tal-Gvern Nazzjonalista. Infakkrek li fit-tweġiba twila tiegħu, imkien ma ċħadt li Jonathan Ferris kien il-bniedem li tqabbad mill-pulizija biex jinvestiga dan il-każ. Dan ifisser li din l-informazzjoni li tajt jien u Saviour Balzan hija minnha.
Kemm infakkar lil Jason Azzopardi li matul il-programm Xtra donnu li nesa dan il-każ. Kien id-Dipartment tal-Artijiet li għamel dan ir-rapport lill-pulizija. Kemm infakkar lil Jason Azzopardi li f’Mejju tal-2013 il-Lands Department għamel rapport lill-pulizija dwar frodi, korruzzjoni, serq, misappropriazzjoni ta’ art pubblika u trading in influence. Dan FATT. Mela dawn id-delitti kollha mhux foloz jew żballjati. Dawn id-delitti kollha qegħdin fir-rapport li sar lill-pulizija. Nisfida lil Jason Azzopardi biex jinnega jew jiċħad li sar dan ir-rapport lill-pulizija.
Biss skont Jason Azzopardi, dawn id-delitt ma humiex fl-inkjesta. Jekk dan hu minnu, dan ifisser li l-Lands Department għamel rapport lill-pulizija dwar serq, korruzzjoni, misappropriazzjoni ta’ propjeta pubblika, u trading in influence u dawn hux qed ikunu investigati fl-inkjesta mill-magistrat. Mela din x’inkjesta hi? Dan x’taħwid hu? Tista’ l-pulizija tispjega dan it-taħwid kollu?
Mela biex in-nies jifhmu, l-Ispettur Jonathan Ferris kellu jinvestiga dawn l-affarijiet. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Il-klijent ta’ Jason Azzopardi, jiġifieri Jonathan Ferris, investiga dawn l-akkużi jew le? Qed ngħid dan għaliex skont Jason Azzopardi dawn id-delitti mhux qed ikun investigati f’din l-inkjesta.
Biss Jason Azzopardi kkonferma li fuq dan ir-rapport lill-pulizija infetħet fis-sajf 2013. Saviour Balzan qalilna li kien Jonathan Ferris li talab inkjesta minn magistrat. Din kienet l-ewwel għand il-Maġistrat Giovanni Griscti. Wara li Giovanni Griscti leħaq imħallef, din l-inkjesta għaddiet għand il-Magistrata Monica Vella. Biss skont Jason Azzopardi, il-Maġistrata Monica Vella ma sabet xejn ħażin meta hu deher quddiemha fl-2015, tant li qaltlu li ma għandux għalfejn jidher aktar.
X’inhu jimplika hawn Jason Azzopardi? Nerġa’ nfakkar li skont Jason Azzopardi din l-inkjesta mhix dwar dawn id-delittideskritti fuq. X’ifisser dan? Li l-klijent tiegħu Jonathan Ferris, meta kien spettur ma għamilx xogħlu sew? Jew li l-Magistrata Vella mhux qed tagħmel xogħolha sew? X’inhi din id-diffikulta kollha biex din l-inkjesta ddum tkarkar seba’ snin?
Dak li nista’ ngħidu fi żgur li l-klijent ta’ Jason Azzopardi, jiġifieri Jonathan Ferris, illum jinsab akkużat b’sperġur, jiġifieri gideb fir-rigward tal-każ Egrant u issa jrid jaffaċċja proċeduri kriminali f’dan ir-rigward.
Nispera li meta tkun konkluża din l-inkjesta mill-Magistrata Vella, din tiġi ppubblikata ħalli l-poplu jkun jaf kif kien investigat każ ta’ rapport lill-pulizija fuq korruzzjoni, serq, misappropriazzjoni ta’ propjeta’ pubblika u trading in influence.