Protest Ġudizzjarju Kontra l-Gvern minħabba l-Miżuri tal-Covid19

Il-bieraħ, waqt il-programm tiegħi, Simon Mercieca Jiddiskuti fuq Xejk TV, wieħed mit-top lawyers Maltin, Dr. Rudolfo Ragonesi, qal li ppreżenta protest ġudizzjarju kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci u kontra l-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne. Bil-kelma protest ġudizzjarju wieħed jifhem ittra li tkun ippreżentata fil-qorti bħala l-ewwel pass lejn kawża f’dan il-każ kontra l-Gvern. Din il-kawża ser tkun qed issir minn madwar sittin persuna. Dawn il-persuni qed iħossuhom imweġġa’ minħabba l-miżuri li d-Dipartiment tas-Saħħa qed jieħu fir-rigward tal-Covid19. Dawn il-persuni qed jgħidu li numru minn dawn il-miżuri ma għandhomx warajhom l-ebda raġunar xjentifiku u qed joħolqu tbatija bla bżonn lilhom.

Dr. Rudolfo Ragonesi spjega dan waqt il-programm. Huwa qal li qed jaħdem b’xejn fuq dan il-każ. Dan il-protest ġudizzjarju ħadlu ħafna ġimgħat ta’ ħidma għaliex dak kollu li qed jgħid fih, għandu l-backing tas-studji xjentifiċi. Fuq kollox, b’dan il-protest ġudizzjarju, Malta qed tingħaqad ma’ numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn madwar id-dinja li qed jibdew jqum kontra dak li qed iqiesu bħala komplot globali li llum qed isir biex iġib miegħu dak li qed jissejjaħ ‘the great reset’. Fi kliem sempliċi, dawn il-miżuri qed isiru fuq livel dinji. Dawn huma l-ewwel pass biex tinbidel l-ekonomija tad-dinja u Malta qed ikollha toqgħod għal dan id-diktat globali. Dr. Ragonesi għamel referenza għal Time Magazine, fejn iddedika issue sħiħa tiegħu għal dan is-suġġett. Permezz ta’ dawn il-miżuri insensati, id-Dipartiment tas-Saħħa qed jgħin biex anki f’Malta tibdel l-ekonomija għad-dettriment taċ-ċittadini Maltin. Dan il-programm ser ikun repetut il-Ħadd fil-għaxija fuq Xejk TV fit-8.30 pm u ser ikun ukoll fuq Youtube.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *