Il-Privileġġ Parlamentari u l-Arrest ta’ Konrad Mizzi

Ftit trolls li għandu miegħu Bernard Grech għamlu plejtu għaliex jien ma ktibtx f’dan il-group u fuq il-website tiegħi dwar l-istorja tal-bieraħ li l-Economic Crimes Unit qed iżżomm lil Konrad Mizzi d-depot. Il-kliem użat huwa ‘detained’. L-ewwel nixtieq ngħid li jien ħloqt dan il-group u l-website fuq inizzjattiva personali. Ix-xogħol nagħmlu kollu jien u ma għandi lil ħadd jaħdem miegħi jew jgħini. Fuq kollox, nagħmlu għall-ebda gwadann ta’ flus. Din mhix gazzetta. Nikteb fuq dak li jolqot lili . Issa min ma jogħġbux x’nikteb jew ma jinteressahx dejjem fuq xix nikteb, ma hux obbligat li jaqra dak li nikteb. Dak li jinteressani lili li nikteb kontra abbuż.

Issa ħareġ li Konrad Mizzi u Keith Schembri qed ikunu investigat dwar ħasil ta’ flus. Jien mhux ser nindaħal lill-pulizija fuq il-ħidma tagħha. Jekk Konrad Mizzi abbuża, irid jiffaċċja l-ħaqq. Dak li nista’ ngħid li dan huwa l-ewwel każ fejn ex-ministru ta’ Gvern qed ikun interrogat mill-pulizija  tal-istess gvern li hu kien jagħmel minnu. Dan qatt ma ġara qabel. Normalment dak li kien jiġri huwa li meta jkun hemm kambjament fil-Gvern, l-amministrazzjoni l-ġdida tagħmel investigazzjoni fuq  xi ministru tal-Gvern passat. Dan kien ikun investigat mill-pulizija u xi drabi jittella’ l-qorti. Hekk kien ġara wara li Dom Mintoff ħa l-poter fl-1971. Standy Cachia Zammit kien ġie nvestigat mill-pulizija fuq filed tal-Gvern li skont il-pulizija mhux suppost kienu għandu. Ittella’ l-qorti u kien ħareġ liberat. Inċidentalment, meta Gerald Strickland, meta rebaħ il-Gvern fl-1927 kien ordna lill-pulizija tagħmel investigazzjoni simili. L-istess ġara wara li l-PN ħa t-tmexxija tal-pajjiż fl-1987. Ex-ministru tax-xogħlijiet Lorry Sant kien ġie investigat. Itella’ l-qorti u l-magistrat li deher quddiemu. Carol Peralta, kien waqqa’ l-każ minn rajh. B’hekk Lorry Sant kien qal li hu ried jaffaċċja l-ġustizzja iżda mhux tort tiegħu li din ma’ saritx.

Inċidentalment, il-Magistrat Carol Peralta’ llum huwa wieħed mill-avukati li qed jiddefendu lil Konrad Mizzi. Dan jista’ jagħmlu peress li hu ma għadux maġistrat.

Biss dak li laqatni f’din l-istorja kollha huwa l-fatt li l-ġurnalisti rrappurtaw li Konrad Mizzi inżamm – il-kliem użat huwa – detained – mill-pulizija. Ma nafx x’iridu jfissru b’ ‘detained’. Qed ngħid dan għaliex Konrad Mizzi huwa MP. Qed ngħid dan għaliex MPs igawdu mill-privileġġ parlamentari. Il-mistoqsija hawn hija jekk MP jista’ jiġi arrest jew le.?

Fil-każ ta’ Malta din tidher ftit ‘grey area’. Il-kapitlu 55 tal-Kostituzzjoni hemm kif jista’ jitneħħa MP. Din titkellem li jista’ jitneħħa meta jkun instab ħati ta’ xi reat. Biss ma titkellimx fuq artesti. Min-naħa, l-oħra, l-imġieba tal-MPs hija regolata mill-privileġġi. Dawn il-privileġġi huma marbuta b’kapitlu 133. F’dan il-kapitlu ma hemm xejn li jgħid li l-pulizija trid l-awtorizzazzjoni tal-kamra biex tarresta MP. Fil-każ tal-Ingilterra, u aħna nimxu mas-sistema Ingliża, il-pulizija għandha s-saħħa li tarresta MP u tressqu l-qorti mingħajr il-bżonn li tmur quddiem il-parlament.

Sadanittant, Konrad Mizzi ġie rrilaxxat. Kelma li tintuża mill-pulizija li tfisser ġie meħlus.  Mela kif kelli ċ-ċans nikteb fil-blog, il-Pulizija titfa salvauomo lil Jason Azzopardi, dan l-arrest kien biss mossa mill-pulizija tagħti ftit għajnuna medjatika lill-ħabib intimu tagħha, Jason Azzopardi, f’mument partikolari tal-ħajja politika tiegħu fejn qed issir pressjoni kbira biex jirreżenja minn membru parlamentari.

Leave a Reply