Il Canto della Cicala

Espressjoni bil-Latin li ġiet użata minn sieħbi Karmenu Borg fir-rigward ta’ din il-kriżi li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista hija dik bil-Latin ta’ abbysum abbysus invocat, jiġifieri l-abbiss jgħajjat l-abbiss, jew forsi fiċ-ċirkustanzi preżenti tal-Partit Nazzjonalista, ikun aħjar li ngħid li l-infern jgħajjat l-infern.

Qed ngħid dan għaliex il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, li jqis lilu nnifsu l-paladin tar-rule of law u good governance, ħareġ jiddefendi lil sieħbu Jason Azzopardi fuq dak li  ġara f’Tel Aviv. Fi kliemu, dak li ġara hemm huma affarijiet li jiġru. Le sur Grech. Dawn mhux affarijiet li jiġru. Min jiprietka jrid jagħmel dak li jiprietka, jew aħjar kif jgħidu bl-Ingliż, ‘practise what you preach’. Biss din l-attitudni ta’ Bernard Grech hija aktar gravi milli tidher. Infakkar lil Grech li matul il-kampanja għall-kap tal-Partit Nazzjonalista, huwa uża l-konnessjonijiet tiegħu mal-Moviment ta’ Kana biex jappella għall-vot Kattoliku fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Issa dan il-bravu għalliem tal-korsijiet taż-żwieġ ta’ Kana joħroġ jiddefendi każ ikrah ta’ adulterju. Fi kliem ieħor jiddefendi politiku, Jason Azzopardi, li baqa’ ma’ martu għar-raġunijiet ta’ konvenjenza u fl-istess waqt imur fuq vjaġġi mal-ħabiba u magħha anki mar jorqod fuq il-qabar ta’ Kristu. Jekk għal Bernard Grech dawn l-affarijiet jiġru, verament għandna għax ninkwietaw fuq il-valuri politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Illum, Bernard Grech għandu politiku li nqabad kontinwament jigdeb u agħar minn hekk inqabad jitlob pjaċiri mill-kommunita’ kummerċjali, għalih u għall-ħbieb nisa tiegħu.

Jekk il-Partit Nazzjonalista jew Jason Azzopardi jaħsbu li jistgħu jitfgħu l-ilma  fuq in-nar f’dan il-każ ser jgħarralhom bl-ikrah. L-ebda strateġija ta’ ‘damage control’ ma hija ser taħdem hawn. Dan hu każ fejn l-infern qed jgħajjat l-infern. Infakkar li ħassieb kbir fuq il-kultura sesswali, il-famuż Markiż De Sade, kien wera l-qawwa tas-sess fil-politika u f’aktar min-novella waħda minn tiegħu wera li meta is-sess jintuża ħażin mill-politiku, dak il-politiku li jużah ħażin ikun qed joħloq infern għalih innifsu. Fuq kollox, l-iskandli politiċi tiegħu jibqgħu jiġru warajh tul ħajtu kollha.

Kull ma nista’ ngħidlek Bernard Grech li f’dan il-każ kull ma ser jibqalek huwa li tmur għat-talent oriġinali tiegħek tal-kant. Nissuġġerilek li titgħallem il-canto della cicala! Jekk dan it-tip ta’ kant ma tafx x’inhu, ninsab ċert, li sieħbek Jason Azzopardi, jaf il-lirika tiegħu sew. Bħala tenur, ninsab konvint li tkun kapaċi li tgħanniha tajjeb din l-għanja taċ-cicala.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *