Jason Azzopardi, Chris Cardona u r-Recordings ta’ Melvin Theuma

Bħal issa għaddejja strateġija bejn il-media tal-isqfijiet u The Times maħsuba biex tkompli tħammeġ lil Yorgen Fenech u tkisser numru ta’ familji Maltin. Iżda din l-istrateġija qed toħroġ aktar fid-deher il-korruzzjoni rampanti li hemm fil-korp tal-pulizija u t-taħwid tal-pulizija fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mela kemm infakkar li l-Ġimgħa, 30 ta’ Ottubru, Dr. Therese Commodini Cachia qalet lill-Imħallfin tal-inkjesta li Yorgen Fenech ma għadux l-interess ta’ din l-inkjesta. L-għada is-Sibt, 31 ta’ Ottubru, Dr. Jason Azzopardi mar rebbieħ u trionfanti fuq l-istazzjon tar-radju tal-isqfijiet u qalilna li ser jiżvela xi ħaġa ġdida dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Wara skoprejna li ma qal xejn ġdid dwar dan id-delitt. Biss leħaq qalilna li Vince Muscat il-Koħħu semma’ b’ismu ex-ministru tal-Gvern Laburista f’każ ikrah. Hu qal li dan  ġara qabel id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. L-għada, il-Ħadd, 1 ta’ Novembru, The Sunday Times ħarġet l-aħbar li Vince Muscat Il-Koħħu semma’ politiku, biss ma qalx x’jismu, li kien involut  fis-serqa tal-bank HSBC fl-2010. Mela Jason Azzopardi reġa nqabad jigdeb għax mhux veru li l-Koħħu semma’ politiku b’ismu u l-istorja li kien qed jirreferi għaliha kienet dik ta’ serqa fl-2010. Żgur li f’din is-serqa Yorgen Fenech ma kellux x’jaqsam.

Mela għala Dr. Jason Azzopardi qal li l-Koħħu semma dan il-politiku b’ismu u għala għaqdu mad-delitt ta’ Caruana Galizia? Bla ma nduna, kompla jikxef il-qerq u l-gideb marbut ma’ dan id-delitt. Għaliex qed ngħid hekk? It-tweġiba tinsab fl-aħħar linja tal-artiklu ta’ The Sunday Times. Fl-aħħar linja dwar dan il-każ ta’ serqa minn fuq il-bank tal-HSBC, artikolisti jfakkru li l-pulizija kienet ressqet l-avukat David Gatt il-qorti. Gatt kien ġie illiberat mill-akkużi kontra tiegħu. Imma The Sunday Times tkompli tgħidilna li l-avukat David Gatt jaħdem ma’ Dr. Chris Cardona. Mela l-ex-politiku u ministru Laburista implikat hu Dr. Chris Cardona.

Mela għala Jason Azzopardi assoċja lil Dr. Chris Cardona mad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia? Fejn eżatt irid jasal Dr. Jason Azzopardi u l-media li tagħti appoġġ għal din il-kawża? Hawn irid nistaqsu jekk hux veru li f’wieħed mir-recordings li Melvin Theuma ta lill-pulizija, hemm fih diskors fejn jissemma li Chris Cardona huwa l-mandant ta’ dan id-delitt? Kemm infakkar li Melvin Theuma kien ġa semma’ l-isem ta’ Chris Cardona fil-qorti waqt il-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. Għal xi raġuni jew oħra, il-pulizija qed tagħmel resistenza biex tagħti dan ir-recording lill-avukati tad-difiża u anki tinvestiga dan il-fatt. X’inhi r-raġuni għala l-pulizija ma tridx tagħti dawn ir-recordings lid-difiza? F‘din ir-resistenza, il-pulizija sabu s-support tal-familja Caruana Galizia permezz tal-avukat tagħhom Dr. Jason Azzopardi.

Infakkar li wieħed mill-ispetturi tal-pulizija qal taħt ġurament waqt il-kompilazzjoni kontra Yorgen Fenech li mhux r-recordings kollha huma awtentiċi. Kemm nistaqsi lil dan l-ispettur jekk dan ir-recording dwar Chris Cardona hux wieħed minn dawk li l-pulizija qed tqies bħala mhux awtentiku? U fuq liema bażi l-pulizija ddeċidiet liema recordings huma awtentiċi u liema mhux? Għaliex fil-qorti il-familja Caruana Galizia ddefendiet u għadha tiddefendi lill-pulizija milli jagħtu dawn ir-recordings kollha lid-difiza?

L-argument hawn għandu jkun wieħed. Jew dawn ir-recordings ta’ Melvin Theuma huma kollha awtentiċi jew kollha foloz!  Fuq dawn issa qed tkun ibbażata x-xhieda kollha ta’ Theuma. Illum jien nemmen li dawn ir-recordings huma foloz. Fuq dawn ir-recordings foloz hemm persuna miżmuma l-ħabs għalxejn. Hemm espressjoni bil-Latin: sic et sempliciter. Jiġifieri mingħajr il-bżonn ta’ komplikazzjonijiet u spjegazzjonijiet ulterjuri, is-sewwa ħiereġ kollu. Imma jekk joħrog is-sewwa u jinstab li dawn ir-recordings mhumiex awtentiċi, jkun hemm persuni li jispiċċaw il-ħabs u oħrajn li jitilfu kemxa flus sewwa.

Leave a Reply