Success fee u Yorgen Fenech

Illum, The Times tagħna biċċa aħbar oħra marbuta mad-Daphne Project. Yorgen Fenech tħallas fuq żewġ miljuni bħala “success fee”. The Times tkompli tgħidilna li fl-email li bagħat Yorgen Fenech, talab li din ma għandhiex tissejjaħ “success fee.  Fuq kollox, kien hemm isem ta’ persuna fuq din l-email li tgħatta minn The Times. Nemmen li jekk The Times trid tippubblika kollox, għandha anki tippubblika l-isem ta’ dik il-persuna li ġiet indirizzata f’din l-email, aktar u aktar, meta hawn qed titkellem fuq email li tista’ tkun prova ta’ korruzzjoni jew tixħim.

Għal nies bħali li ma nitħallsux dawk l-ammonti ta’ xogħolna, din is-somma tidher eċċessiva u kbira. Biss kif qalu Seimens stess, is-success fee hija normali f’dan it-tip ta’ big business.

Infatti “success fee” hija parti mid-dinja tan-negozju u teżisti mad-dinja kollha. Tinsab kullimkien fl-ekonomija u mhux biss. Illum anki l-avukati qed jdaħħlu din it-tariffa. Jiġifieri jekk huma jkollhom suċċess fil-kawża favur klijent, il-klijent ikun mitlub iħallas din is-“success fee”. Nispera li ma hemmx xi avukat li ser jiskandalizza ruħu li tħallset din is-“success fee” u mbagħad ikun wieħed minn dawk li jitlobha bħala parti mill-ħlasijiet tiegħu!

Fi kliem sempliċi, din hija tariffa li titħallas over and above il-ħlasijiet mifthema fuq kawża jew fuq xi xogħol li jkun ġie mifthiem li persuna tagħmel fuq kuntratt. Mela “success fee” hija biss agreement jew kuntratt bejn min qed joffri servizz u l-klijent jew klijenti tiegħu. Dak li jista’ jkun stabbilit sa issa huwa li minn dak li ġie ppubblikat, Yorgen Fenech kien qed jitħallas għas-servizz tiegħu u talli kellu suċċess, tħallas 2.5 million euros. Din it-tariffa hija wisq inqas minn dik normalment tittieħed fuq proġett bħal dan. Infakkar li din l-powerstation qamet 360 miljun euro. Normalment, fid-dinja tal-business, din it-tip ta’ tariffa tammonta għal 6% tal-proġett kollu. Mela kellha tkun ta’ 21.6 miljun euros. Din tidher li hija ftit inqas minn 0.7%. B’hekk din kienet ħafna inqas milli fil-fatt jittieħed f’dawn it-tip ta’ arrangamenti marbuta ma’ “success fee”. Kien għalhekk li Yorgen Fenech ma riedx isejħilha “success fee”?

Mela dak li jrid ikun stabbilit hawn huma żewġ affarijiet. L-ewwel, jekk din it-tariffa kienetx qed taħbi warajha korruzzjoni jew tixħim. Fi kliem ieħor, Yorgen Fenech kien qed juża din l-istruttura biex jxaħħam lill-politiċi jew nies qrib tagħhom. Sa issa għadu ma ġie stabbilit xejn minn dan. Infakkar li Yorgen Fenech ma hux investigat jew mixli fuq tixħim.

It-tieni: jekk dan it-tagħrif wassalx biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Biss hawn għandna problema. Kif nafu li verament Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq dan il-proġett meta l-kompjuter tagħha qatt ma ngħata lill-pulizija? X’garanżija għandna li din l-informazzjoni ma ħarġitx wara li nqatlet Daphne? Jekk ħarġet wara, din żgur ma kellhiex x’taqsam mal-qtil tagħha. Fuq kollox, jekk kienet ta’ Daphne, din kienet fil-kompjuter tagħha. Mela dak li qed jiġi għandna huwa biss informazzjoni selettiva u informazzjoni selettiva ma tistax torbot f’każ ċivili jew kriminali.

Mela sa issa, din l-informazzjoni ma għandha l-ebda relevanza diretta għal dan id-delitt. It-tieni, l-anqas tidher li hemm relevanza indiretta mal-qtil tagħha. L-uniku relevanza diretta li għandha li hemm ġurnalisti interessati li jkissru l-ElectroGas. Dawn huma mgħejjuna minn politiċi. Biss anki hawn l-istrateġija qed tisplodi f’wiċċ kulħadd.

Infakkar li l-ElectroGas kienet is-suġġett tal-inkjesta. Ġew imsejħa numru ta’ shareholders tagħha. Illum nafu għala din kienet suġġett tal-inkjesta u wisq aktar għala ġew imsejħa “shareholders” biex jixhdu. Dan  sar bi preparazzjoni għall-ħruġ ta’ din l-informazzjoni. Għaliex qed ngħid dan? Għax jekk verament iridu jkunu jafu jekk hemmx korruzzjoni jew le, u jekk hux għaddejjin flus jew le minn taħt, mhux ix-shareholders kellhom jkunu mistaqsa u investigati f’din l-inkjesta imma ic-CEO tal-ElectroGas. Biss jidher li c-CEO tal-ElectroGas ma jissemmix f’dan l-emails!

Mela, għal darba oħra, il-ħruġ ta’ din l-informazzjoni mill-media tkompli tikkonferma dak li t-Taljani jsejħu  “concussione”.Bl-Ingliż din tissejjaħ “malfeasance” jew “official misconduct”. Bil-Malti jintuża t-terminu ta’ “abbuż ta’ poter”.

Leave a Reply